Ekonomija Kummerċ Lokali

HSBC Malta jiftaħ il-fergħa rinnovata fil-Belt Valletta

Il-Bank HSBC Malta fetaħ mill-ġdid il-bibien tal-fergħa ewlenija u moderna fil-qalba tal-Belt Valletta.

Id-dehra ġdida u friska tal-fergħa rinnovata tikkumplimenta l-gosti u l-aspettattivi tal-klijenti ta’ HSBC. Kmamar iddedikati għal laqgħat se jipprovdu lill-klijenti b’iktar privatezza, filwaqt li innovazzjonijiet moderni bħal Talking ATMs li jużaw teknoloġija bil-vuċi biex jiżguraw esperjenza aħjar u aktar faċli għal klijenti b’vista limitata.

Meta klijent iqabbad kwalunkwe earphone 3.5mm mat-Talking ATMs, dawn jinbidlu f’magni interattivi. Din it-teknoloġija tkompli ssaħħaħ is-servizzi bankarji ta’ HSBC li jinkludu Mobile Banking. Dan is-servizz jippermetti lill-klijenti li jimmaniġġjaw il-kontijiet mill-kumdità ta’ darhom jew mill-post tax-xogħol. Matul l-iżvilupp tal-proġett tal-ATMs għal persuni b’vista limitata, il-Bank ħadem mill-qrib mal-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabbiltà (KNPD) u mal-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (FITA). Il-Bank għandu pjani li jdaħħal din il-faċilità fl-ATMs kollha tiegħu f’Malta sal-2015.

Bil-ftuħ mill-ġdid tal-fergħa tal-Belt, in-numru totali tal-fergħat rinnovati tal-HSBC issa tela’ għal 14. Minbarra tal-Belt, HSBC wettaq rinnovazzjoni fil-fergħat ta’ Ħal Balzan, Buġibba, il-Ħamrun, is-Swieqi, Raħal Ġdid, iż-Żejtun, il-Mosta, iż-Żurrieq, San Ġwann, Birkirkara, Tas-Sliema u Ħaż-Żabbar u r-Rabat Għawdex.

Il-fergħa kienet inawgurata uffiċjalment mill-Ministru tal-Finanzi, il-Professur Edward Scicluna, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Mark Watkinson. Il-Kap tar-Retail Banking and Wealth Management ta’ HSBC Malta Paul Steel u s-Sindku tal-Belt Valletta l-Professur Alexiei Dingli kienu wkoll preżenti flimkien ma’ mistednin u uffiċjali oħra mill-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabbiltà (KNPD) u l-Fondazzjoni għall-Aċċessibbilità tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (FITA).

Mark Watkinson qal li l-Belt Valletta hi ċentrali għall-ekonomija Maltija u HSBC hu pożizzjonat strateġikament fil-qalba tal-belt kapitali “biex nipprovdu servizzi finanzjarji u express banking mill-aqwa lill-klijenti. Ir-rinnovazzjoni tal-fergħa hi l-aħħar waħda f’serje ta’ investimenti li wettaq il-Bank biex ikompli jtejjeb l-operat tiegħu f’Malta.”