Il-Gasol plc, il-kumpanija bbażata fil-Punent tal-Afrika u li hija parti mill-konsorzju Electrogas li kien ivvettjat mill-Gvern ta’ Joseph Muscat u saħansitra għażlu biex jibni l-power station il-ġdida f’Delimara, hi f’qagħda finanzjarja prekarja. Dikjarata bla cash suffiċjenti u mingħajr assi likwidi biex din il-kumpaniji tkun tista’ tonora l-impenji u l-kuntratti li daħlet għalihom għat-12-il xahar li ġejjin.
Fl-isfond ta’ dan kollu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jibqa’ jirrifjuta u ma jippubblikax il-ftehim mal-konsorzju li kellu jlesti l-bini tal-power station ġdida sa Marzu li ġej. Data li kien intrabat biha l-Prim Ministru Muscat innifsu.
Muscat kien wiegħed li se jlesti l-power station sa sentejn mill-elezzjoni – wiegħda li l-istess Prim Ministru ddikjara li mhux se jkun qed iwettaq hekk kif fadal erba’ xhur għal Marzu. Ir-realtà llum hi li għadu ma nbena xejn fis-sit fejn għandha ssir il-power station il-ġdida. Minkejja li kien qal ukoll iswed fuq l-abjad li jirriżenja jekk ma titwettaqx din il-wiegħda.
Il-Gasol għarkuptejha
Iżda r-rapporti finanzjarji minn awdituri indipendenti li tħejjew u kienu ppubblikati ftit tal-ġimgħat ilu, juru l-istampa reali li qed tiffaċċja l-Gasol, kumpanija li hija parti mill-konsorzju fdat mill-Gvern ta’ Muscat biex jibni l-proġett ewlieni mwiegħed qabel l-elezzjoni – dik li jibni power station li taħdem bil-gass. Dan meta kien jaf li l-investiment li l-gvern preċedenti kien għadu kif għamel bl-impjant tal-BWSC, jista’ jiġi konvertit għall-gass kif kien ukoll programmat mill-amministrazzjoni preċedenti. (Iżda minflok, l-impjant tal-BWSC li kien isejjaħlu fabbrika tal-kanċer, Muscat biegħu liċ-Ċiniżi.)
Il-Gasol tilfet aktar minn 10.5 miljun sterlina fl-aħħar sena finanzjarja. Iddeċidiet li ma tibqax kumpanija pubblika – deċiżjoni li waqqfet l-obbligu li tippubblika l-prezz tal-ishma tagħha. Kumpanija li għandha kapital limitat u li ftit hemm informazzjoni dwaru. Kumpanija wkoll li sa Ġunjui li għadda, il-prezzijiet tal-ishma tagħha kienu waqgħu bi kważi 59% fl-aħħar sena.
Id-dawl ikreh li tinsab fih il-Gasol, jiddikjarawh ukoll l-awdituri li f’Settembru li għadda ffinalizzaw ir-rapporti finanzjarji tagħhom dwar il-kumapnija. L-istampa hi mdallma. M’hemm ebda garanzija li l-finanzjament li l-kumpanija qed tgħid li tista’ tattira minn investituri barranin, se jimmaterjalizzaw. M’hemm ebda garanziji lanqas dwar il-futur ta’ din il-kumpanija. L-inċertezza tiddomina fid-dikjarazzjonijiet imniżżla fir-rapport tal-awdituri. Id-dubji dwar kemm il-Gasol tista’ tkompli bl-attivitajiet kummerċjali tagħha huma kbar.
Il-Gvern jgħid li ma sab xejn ħażin fil-Gasol
L-aħħar dikjarazzjoni li għamel il-Gvern ta’ Muscat, permezz tal-Ministru Konrad Mizzi fil-Parlament, hi daqstant inkwetanti. Il-Gvern, fl-għażla li għamel għall-konsorzju li jinkludi fih lil Gasol li se jkun qed jibni l-power station il-ġdida b’tanker b’ħażna ta’ gass sorġut fil-bajja ta’ Marasaxlokk, ma sab xejn ħażin. Jista’ jkun il-każ li l-Gvern għalaq għajnejh għad-dawl ikreh li tinsab fih waħda mill-kumpaniji li tifforma l-konsorzju u li għandha 30% tal-ishma mill-proġett tal-impjant il-ġdid.
Il-Gvern jibqa’ ma jippubblikax il-ftehim
Fuq in-naħa l-oħra tal-munita ta’ dan in-negozju mal-konsorzju li jinkludi lill-Gasol (meta dan il-Gvern stess seta’ kiseb il-frott tal-pipeline tal-gass ma’ Sqallija b’finanzjament mill-UE kif kien ippjanat mill-amministrazzjoni preċedenti), hemm is-silenzju tal-Gvern ta’ Muscat. Il-Gvern baqa’ ma ppubblikax il-kuntratti dwar in-negozju li ftiehem dwaru b’rabta ma’ ammonti sostanzjali qawwija, minn flus u mit-taxxi tal-poplu, li se jkunu qed ilaħħqu mal-€400,000 biex tinbenda din il-power station ġdida.
Preokkupanti wkoll hu l-fatt li l-Gvern għadu ma ħax is-somma inizzjali ta’ €30 miljun li qal li se jkun qed jirċievi mal-iffirmar tal-ftehim mal-konsorzju Electrogas.
U preokkupanti u nkwetanti issa hu wkoll id-dikjarazzjoni li għamel il-Gvern fi tweġiba li ta bil-miktub għal mistoqsija parlamentari l-ġimgħa li għaddiet, li vvettja l-konsorzju li jinkludi lill-Gasol, u ma ra xejn ħażin u ta l-approvazzjoni tiegħu.
‘Daħal fi sqaq’
Fil-gazzetta Illum, l-opinjonista Joe Ellis għamel din l-analiżi: “Fil-ħajja, qatt mhu għaqli li wieħed jidħol fi sqaq. Jekk wieħed jinzerta li jispiċċa f’wieħed, ikun ukoll għaqli wkoll li wieħed jara kif joħroġ minnu minnufih. Bla dubju, min jirnexxielu joħroġ mill-isqaq huwa kapaċi kważi daqs min jevita li jidħol fih. Imma gwaj għal min la jirnexxielu jevita li jidħol f’wieħed jew lanqas jindenja jipprova joħroġ minnu imma jibqa’ għaddej mingħalih li f’xi ħin jew ieħor l-isqaq se jiżbokka f’xi pjazza wiesgħa. Sfortunatament, ħafna drabi l-ħajt jibqa’ mbarrat bla ebda żbokk.”
L-opinjonista temm jikkummenta dwar din is-saga b’din l-osservazzjoni:
“Huwa ċar daqs il-kristall li l-kumpanija li tiddetjeni 30% fil-konsorzju Electrogas hija zoppa finanzjarjament, anzi teknikament insolventi u li hija mdawra b’inċertezzi kbar jekk hux se jkollha finanzjament adekwat sabiex tkompli topera. Id-diretturi tagħha kellhom jagħmlu sforz qawwi sabiex jiċċertifikawha bħala “going concern”. Mhux ta’ b’xejn li Electrogas ma kinitx kapaċi tħallas id-depożitu ta’ €30 miljun kif suppost għamlet meta ffirmat il-kuntratt u jidher li dan id-depożitu għadu ma tħallasx. Kif kumpanija f’dan l-istat finanzjarju prekarju tmexxi konsorzju li ntgħażel sabiex tibni power station li suppost se tiswa aktar minn €400 miljun iqanqal bosta mistoqsijiet leġittimi li l-gvern mhux qiegħed jindirizza. Il-pajjiż jixraqlu aħjar: qed nitkellmu fuq settur wisq delikat biex jibqa’ jiġi mmexxi b’dan il-mod.”
Hu evidenti li s-skiet tal-Gvern u l-pożizzjoni li qed jibqa’ jieħu li ma jippubblikax il-ftehim iffirmat b’rabta ma’ dan in-negozju, hu ta’ tħassib serju. Skiet li qed joħloq ħafna mistoqsijiet, kif għamlet l-Oppożizzjoni li sfidat lill-Gvern iwieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet dwar wieħed mix-shareholders tal-konsorzju Electrogas, il-Gasol.
Il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni lill-Gvern
Il-fatt li l-Gasol, li hi shareholder prinċipali tal-konsorzju Electrogas, u li mhux se jkollha flus biżżejjed, huwiex se jkollu impatt fuq il-proġett tal-power station?
Jekk il-Gvern għamilx financial due dilligence ta’ Gasol?
Min kien responsabbli għal dan id-due dilligence?
X’impatt l-istat finanzjarju preżenti ta’ Gasol jista’ jkollu fuq dan il-proġett?
Jekk il-problema finanzjarja ta’ din il-kumpanija hijiex marbuta mal-fatt li ma tħallasx id-depożitu lill-Gvern Malti?
Jekk illum, l-investituri tal-proġett humiex qed jemmnu li dan il-proġett hu sostenibbli u fattibbli kif kien jgħid li hu l-Partit Laburista?