Lokali

Il-Każ tal-Leisure Clothing: Il-Pulizija tibqa’ ma tressaq lil ħadd il-Qorti u l-Ambaxxata Ċiniża bi pressjoni fuq il-Gvern

ĠIMGĦATEJN MINN META ŻVELAJNA X’QED JIĠRI FIL-FABBRIKA LEISURE CLOTHING

Illum se jkunu għaddew 15-il jum minn meta il-mument nhar il-Ħadd, 26 ta’ Ottubru 2014, żvelat allegat ta’ traffikar uman ta’ Asjatiċi lejn Malta biex jaħdmu fil-fabbrika Leisure Clothing (factory) Limited fil-Qasam Industrijali ta’ Bulebel.

Filwaqt li dik l-aħbar ixxukkjat u ħasdet lil kulħadd – abbuż li allegatament ilu għaddej għal għadd ġmielu ta’ snin – serviet ukoll biex tqajjem lil min suppost kien qiegħed jinvestiga dan l-allegat abbuż. Dan qed isir b’referenza għall-Korp tal-Pulizija, li il-mument jaf li kellu rapporti u għamel stħarriġ dwar dan il-każ, iżda mbagħad – għalkemm l-Aġent Kummissarju din jiċħadha – pressjoni minn fuq wasslet biex dawk l-investigazzjonijiet jitwaqqfu!

L-aħbar persistenti ta’ il-mument li tkompliet ukoll fil-ġurnal In-Nazzjon, wasslet biex il-Korp tal-Pulizija ma jkollu l-ebda skuża u alternattiva, u allura reġgħet bdiet l-investigazzjoni – xi ħaġa li l-Aġent Kummissarju jgħid li ma waqfet qatt!

Aħna nemmnu li l-investigazzjonijiet qed isiru bis-serjetà. Nafu li l-Pulizija f’jum tat-Tlieta u l-Erbgħa tal-ġimgħa li għaddiet marru bi preżenza kbira biex kellmu u interrogaw lill-ħaddiema fil-bini mitluq ta’ Leisure Clothing – kważi l-uniku bini fi stat xejn sabiħ meta l-fabbriki kollha tal-madwar huma marbuta b’kuntratt li jridu jżommu dehra sabiħa li tixraq għal zona industrijali bħal din.
Dawn l-istess interrogazzjonijiet tal-Pulizija saru wkoll fil-preżenza – minn barra naturalment – ta’ għadd ta’ uffiċjali mill-Ambaxxata Ċiniża f’Malta!

Il-mument jaf tajjeb kif din l-istorja ma niżlet tajjeb xejn mal-Ambaxxata Ċiniża f’Malta. Aħna nafu tajjeb bl-intriċċi u l-involvimenti li jeżistu fir-rigward tal-Leisure Clothing. Nafu wkoll, kif fil-fatt żvelajna, li l-Ambaxxata Ċiniża kienet taf tajjeb b’dan l-allegat abbuż iżda qatt ma għamlet xejn.

Intriċċi kontinwi
Matul dawn l-aħħar ġimgħatejn, kemm il-mument kif ukoll In-Nazzjon żvelaw ħafna affarijiet mill-aktar inkwetanti – il-bogrom sħiħ fil-ħruġ tal-visa. Sitwazzjoni mhux biss inkwetanti ħafna, iżda li għandha tippreokkupa lil min hu tassew serju.

Żvelajna kif fizzjal fil-Korp tal-Pulizija kien jgħin f’dan kollu billi jmur lil hinn minn triqtu biex l-affarijiet jitħaffu u jimxu ‘l quddiem… naturalment mhux ta’ xejn… il-ħlas tiegħu dejjem ingħata fil-ħin…

Bħalma żvelajna wkoll l-aħbar li uffiċjal tal-GWU – ir-rappreżentanta tal-ħaddiema fil-Leisure Clothing – aktar kien moħħu biex iġib ‘il quddiem l-interessi tal-kumpanija milli li jirrappreżenta l-interessi tal-ħaddiema. Anki dan kemm-il darba kien osservat jieħu l-ħlasijiet tiegħu.

Kif ingħataw ukoll ilbies u ħwejjeġ fini u rigali oħrajn lil persuni oħra, li wkoll abbużaw mill-pożizzjoni tagħhom.

Lanqas il-Leisure Clothing ma tista’ tibqa’ siekta
Għalhekk kien ta’ sodisfazzjon kbir il-bosta dikjarazzjonijiet li ħarġu fil-jiem li għaddew li mhux biss ikkundannaw dawn l-allegati sfruttamenti ta’ Ċiniżi, Vjetnamiżi u oħrajn u kif qal tant tajjeb Tony Zarb, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union – il-Leisure Clothing quddiem dawn l-allegazzjonijiet ma tistax tibqa’ b’fommha siekta u l-ħidma li qed issir għandha tkompli mingħajr ma nħarsu lejn wiċċ ħadd.

Min abbuża għandu jwieġeb
Aħna nemmnu li min żbalja, ixxaħħam u għalaq għajnejh, min xtara tfajliet Ċiniżi biex iduru bih, jew biex jaqduh sesswalment jew biex iduru b’ġenituri tiegħu għax anzjani ħafna, għandu jwieġeb. Bħalma għandhom iwieġbu dawk li assorbew Ċiniżi u persuni oħra f’industriji oħra fosthom fl-industrija tal-catering b’kundizzjonijiet verament redikoli.

Xokkanti l-aħbar li ħriġna nhar il-Ħadd li għadda dwar it-transitu ta’ containers fil-kampus tal-Leisure Clothing. Containers li jidħlu u joħorġu mingħajr ma jinfetħu. Containers li jinbidlulhom id-dokumenti kollha u saħansitra tinbidlilhom il-manifattura. Matul dawn il-jiem bosta kienu li ċemplulna u staqsewna x’kien fihom dawk il-containers dejjem magħluqa. Minfejn kienu ġew? Fejn marru wara li fizzjali tad-Dwana bidlilhom id-dokumenti u biddlilhom il-manifattura? Jalla min hu responsabbli mid-Dwana fil-jiem li għaddew ħa l-briga u beda jinvestiga dawn l-abbużi…

Sadattant inkwetanti għall-aħħar ir-reazzjoni tal-NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam kontra l-abbuż u l-isfruttament. Diffiċli għalihom li jitkellmu b’tali mod li jiġu identifikati. Jgħaddulna l-informazzjoni b’mod kunfidenzjali iva, iżda li joħorġu għonqhom kif għamilna aħna diffiċli ferm quddiem allegati reati bħal dawn!

… u l-awtoritajiet konċernati għandhom jaġixxu
Fl-isfond kollu, kif irnexxielna nikkonfermaw ukoll bir-ritratti u l-filmati fil-jiem li għaddew, tissokta l-prostituzzjoni minn tfajliet Asjatiċi. Tfajliet Asjatiċi jitlajjaw, jitrikkbu f’karozzi, bl-awtoritajiet konċernati jibqgħu passivi!

Dak li jinkwetana serjament hu wkoll l-atteġġjament li aktar milli l-Pulizija tmur il-Qorti b’dawk kollha – huma min huma – involuti f’dan l-allegat ħmieġ, tippreferi tbeżża’ biex l-informazzjoni ma toħroġx u biex ħadd ma javviċina lill-ġurnalisti!

L-awtoritajiet konċernati m’għandhom iħarsu lejn wiċċ ħadd, f’kelma waħda ma jċedu għall-ebda pressjoni, anzi jkunu lealti u lejn ir-responsabbiltà li jġorru.