Lokali

Il-Maltin iħallsu l-għola prezz tal-fuel fl-Ewropa … u Muscat moħħu biss biex jattakka lil Simon Busuttil – il-PN

Minkejja li skont l-aħħar stħarriġ ippubblikat illum, l-akbar inkwiet għall-Maltin huwa t-traffiku u li skont l-istatistika, l-Maltin iħallsu l-ogħla prezzijiet tal-fuels fl-Ewropa, il-Mexxej Laburista Joseph Muscat, il-Ħadd filgħodu waqt intervista fuq l-istazzjon Laburista, injora għal kollox dawn l-aktar żewġ temi importanti għall-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista qal dan fi stqarrija, fejn qal li Muscat kien moħħu biss fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u f’45 minuta intervista, aktar semma lil Simon Busuttil milli tkellem dwar dak li qed jagħmel il-Gvern.

Dwar dak li għandu x’jaqsam mal-viżjoni ekonomika, l-unika viżjoni ta’ Muscat hi li jdaħħal 3,800 persuna mal-Gvern, kif ukoll għafsa fuq il-pagi u l-pensjonijiet. Il-Prim Ministru żgur mhux nieqes minn nies madwaru li jifhmu fl-ekonomija, bħal per eżempju Konrad Mizzi li qed iħallas lil martu €13,000 fix-xahar minn flus il-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Partit Nazzjonalista jkompli jgħid li flok jaħli l-ħin fi stil antikwat ta’ politika, kien ikun aħjar kieku Joseph Muscat tkellem dwar iż-żieda qawwija fil-kera tal-housing soċjali, l-irduppjar u aktar tas-sussidju lil kumpanija Spanjola, iż-żjara tinten fi Spanja ta’ Joe Mizzi u James Piscopo, kemm se jkunu n-nollijiet tat-trasport pubbliku, u meta se tibda l-power station li suppost għandha tkun lesta sa 4 xhur oħra bil-piż tar-riżenja tiegħu stess.

Id-diskors ta’ Joseph Muscat Ħadd wara Ħadd jindika li Simon Busuttil qed idejjaq bil-kbir lil Muscat, tant li f’kull ħin possibli, jinfexx jattakkah. Il-politika Maltija jixirqilha aħjar minn hekk u dan huwa eżempju konkret ta’ kemm f’Malta trid tinbel l-mod kif issir il-politika.

L-istqarrija ttemm tgħid li fid-diskors tiegħu tal-Ħadd, oseph Muscat kompla jikkonferma kemm f’sena u nofs, diġa’ nqata’ minn man-nies.