Lokali

‘Il-proprjetà serquhielna’ – Il-familja sidien tal-proprjeta f’Ħal Qormi li ħadilhom il-Partit Laburista biex bidilha f’każin Laburista

Il-familja proprjetarja tal-post li llum hu okkupat mill-Partit Laburista u bidilha f’każin Laburista iddikjarat ma’ il-mument li din il-proprjetà ġiet misruqa lilhom mill-Partit Laburista. Dan filwaqt li Joseph Muscat kien qiegħed ukoll iwiegħed li l-Partit Laburista kien se jsolvi l-problema iżda ma żammx kelmtu kif qegħdin niżvelaw f’numru ta’ emails li qegħdin nippubblikaw.

Il-Partit Laburista taħt pressjoni
Bħalissa l-Partit Laburista jinsab taħt pressjoni dwar it-28 proprjetà li qed jokkupaha mingħand il-Gvern jew mingħand il-privat fejn dawn qegħdin jintużaw bħala każini Laburisti. 22 minn dawn il-proprjetajiet huma mikrija mingħand il-gvern fi żminijiet ta’ amministrazzjoni Laburista waqt li sitt proprjetajiet oħra huma rekwiżizzjonati jew meħduda mingħand il-privat.

Fost dawn il-proprjetajiet hemm dik ta’ Ħal Qormi li għandha storja twila u li kien fl-aħħar ġimgħa li l-proprjetarji ta’ dan il-post kbir bdew proċeduri legali kontra l-Partit Laburista biex huma jieħdu l-proprjetà tagħhom lura.

Jitressaq l-ewwel protest ġudizzjarju
Fl-aħħar ġranet u wara snin twal siekta kif huma l-proprjetarji l-oħra f’Malta ta’ postijiet li huma okkupati mill-Partit Laburista, il-familja sidien tal-każin Laburista ta’ Ħal Qormi ressqu protest ġudizzjarju fil-qorti bl-iskop li din il-kwistjoni tkun riżolta. L-avukat u deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qed jirrappreżenta lill-familja sidien tal-proprjetà okkupata mill-Partit Laburista f’Ħal Qormi.

Il-mument iltaqa’ mal-familja Mizzi minn Ħal Qormi li huma proprjetarji ta’ dan il-post. Kien il-missier Pawlu Mizzi li mingħandu fl-1951 il-Partit Laburista kien kera l-proprjeta fiċ-ċentru ta’ Ħal Qormi.

Il-ftehim kien li l-kirja tkun għal sentejn
L-istorja ta’ din il-proprjetà tmur lura sal-1951 meta dan il-post ħdejn il-knisja l-antika ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi kienet isservi ta’ ċinema; St.George’s Cinema. Kien fi Frar tal-1951 li l-post inkera għal perijodu ta’ sentejn bil-ftehim li jekk ikun hemm qbil, dan jiġġedded għal sentejn oħra. Il-kera għal dan iċ-ċinema kienet ta’ €198 fis-sena u jitħallas miċ-Ċentru Lokali Laburista ta’ Ħal Qormi. Jirriżulta li dan il-ftehim qatt ma ntlaħaq iżda minkejja dan, il-Partit Laburista baqa’ jokkupa dan il-post kbir.

L-aħwa proprjetarji tal-post fejn illum hemm il-każin Laburista sostnew ma’ il-mument li tul is-snin huma ippruvaw jitkellmu mal-Partit Laburista biex tinstab soluzzjoni u poġġew lill-Partit Laburista l-għażliet li jew jixtru l-proprjetà, jew jirritornawha nkella l-kera togħla skont is-suq tal-lum.

Muscat jitkellem u jwiegħed
Il-familja Mizzi qalet li bl-iskop li tinsab soluzzjoni mingħajr il-ħtieġa ta’ intervent legali hi komunikat mal-Mexxej Laburista Joseph Muscat b’diversi korrispondenza elettronika. Din il-komunikazzjoni bdiet minn qabel l-elezzjoni, sostniet il-familja Mizzi li spjegat kif kull meta l-familja ppruvat titkellem mal-Kumitat Lokali Laburista ta’ Ħal Qormi, il-kumitat ipprova jirredikola t-talbiet tal-familja.

Fl-emails lill-Mexxej Laburista, il-familja Mizzi talbet laqgħa biex il-problema tkun riżolta. Għal din il-laqgħa Joseph Muscat kien akkumpanjat mid-depuat Mexxej Laburista Toni Abela, li fil-Partit Laburista hu responsabbli mill-każini tal-Partit. Il-familja Mizzi saħqet mal-Mexxej Laburista li l-pożizzjoni tal-familja hi li l-Partit Laburista jixtri l-proprjetà, jew jirritornaha lill-familja jew iħallas kirja ogħla li tirrispetta l-valur tal-proprjetà.

Lill-familja proprjetarji tal-każin, Joseph Muscat kien wegħdhom li sa Frar l-affarijiet ikunu rranġaw u aktar tard il-familja kienet informata li l-kwistjoni kienet għaddiet f’idejn id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela.

Il-PL ma jaċċettax il-proposti tal-familja sidien tal-proprjetà
F’laqgħat li Toni Abela kellu mal-familja, id-Deputat Mexxej Laburista qallhom li l-Partit Laburista ma jistax jaċċetta l-proposti tagħhom għaliex ma kellux flus iżda kellu biss assi. Lil Toni Abela, il-familja Mizzi qaltlu li l-assi jistgħu jiġu kkonvertiti fi flus.

L-aħwa Mizzi spjegaw li d-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela kien informa lill-familja li l-Partit Laburista kien lest jagħtihom żieda ta’ €52 fis-sena fil-kera. Din il-proposta ma kinitx aċċettata mill-familja proprjetarja tal-każin ta’ Ħal Qormi għall-fatt li din mhix ġusta u ma tirrispettax il-valur tal-proprjetà fis-suq.

Aktar ‘il quddiem, kompliew l-aħwa Mizz, id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela qal lill-familja li lanqas il-€52 ma setgħu jagħtu għaliexjekk jagħtuhom, il-każ jaqa’ taħt liġi ġdida bil-possibiltà u l-konswegwenza li l-Partit Laburista jista’ jitlef il-proprjetà.

Fuq din il-proprjetà, li minnha prattikament il-familja sid mhi ddaħħal kważi xejn, l-istess familja qed ikollha tħallas is-suċċessjoni u anki ċ-ċens ta’ €140 fis-sena.