Il-Hadd 9 ta’ Novermbru, Jum it-Tifkira. Il-Jum li fih jitfakkru dawk li ssagrifikaw ħajjithom tul l-ewwel gwerra dinija.
Waqt il quddiesa ta’ tifkira fil-kon-katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, l-Isqof Awżiljarju u Amministratur Appostoliku Charles Scicluna tkellem dwar il-bżonn li Malta tieħu sehem aktar attiv fil-komunita’ internazzjonali biex il-familja ibbażata fuq ir-rispett reċiproku u t-tolleranza tiġi protetta.
Huwa tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-vittmi taż-żewġ Gwerer Dinjiji tas-Seklu 20 jiġu mfakkra, filwaqt li rrefera għal dak li ġara f’jum il-Milied tas-sena 1914 meta truppi għedewwa ingħaqdu f’Jum ta’ Paċi biex jiċċelebraw il-Milied flimkien.
Dan huwa ta’ kuntrast qawwi mal-Gwerer li jinsabu għaddejjin illum, fejn qed isiru atroċitajiet kbar f’isem ir-reliġjon.
F’din l-okkazjoni, Monsinjur Scicluna rringrazzja lill-membri tal-Forzi Armati tal-ħidma tagħhom, li ddeskriviha bħala waħda neċessarja biex tiġi salvagwardjata il-paċi u d-demokrazija.
Għal din il-quddiesa attendiet ukoll il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, kif ukoll mistiedna distinti oħrajn.
Wara l-quddiesa, dawn ipparteċipaw f’ċerimonja ta’ tqegħid tal-fjuri biswit il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana, f’ċerimonja li attendew għaliha veterani tal-gwerra u qraba taghħom.
Saret ukoll parata li fiha ipparteċipaw membri tal-Pulizija u tal-Forzi Armati ta’ Malta, flimkien ma’ bosta organizzazzjonijiet oħrajn.
//= $special ?>
