IS-SEWWIEQA MALTIN HUMA L-AKTAR SEWWIEQA FL-UNJONI EWROPEA LI JĦALLSU GĦALL-FJUWIL
Il-hedging tal-fjuwil li kien sar mill-Gvern Laburista qed ifisser li s-sewwieqa Maltin qed iħallsu l-għola fjuwil fl-Ewropa.
Dan joħroġ minn statistika uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li tqabbel il-prezzijiet tal-fjuwil fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.
L-istatistika turi li l-prezz tal-fjuwil f’Malta huwa ta’ 71ċ kull litru (taxxa mhux inkluża). It-tieni l-aktar pajjiż b’fjuwil għoli huwa d-Danimarka, fejn il-prezz tal-fjuwil (mhux intaxxat) huwa ta’ kważi 8% anqas tal-prezz f’Malta.
F’Mejju, il-prezz tal-petrol kien ġie stabbilit għall-prezz ta’ €1.44 sal-aħħar tas-sena. Id-diesel kien stabbilit għall-prezz ta’ €1.36. Il-prezzijiet tal-fjuwil se jibqgħu hekk sal-aħħar tas-sena – u l-Prim Ministru kien ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja fejn kien ħabbar roħs ta’ żewġ ċenteżmi fil-prezz tal-fjuwil.
Iżda l-prezz taż-żejt fix-xena internazzjonali fl-aħħar ġimgħat baqa’ jonqos, bil-konsegwenza li f’numru ta’ pajjiżi l-prezz tal-fjuwil raħas. B’differenza għal Malta, fejn minħabba l-hedging li kien sar mill-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Maltin se jibqa’ jkollhom iħallsu mhux biss l-istess prezz għall-fjuwil li jixtru, iżda fl-istess waqt l-għola fjuwil fl-Unjoni Ewropea.
Dan jikkuntrasta mas-sitwazzjoni fl-2010, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien fl-istess livelli, iżda l-prezzijiet tal-fjuwil kien ferm orħos minn kif inhu llum il-ġurnata.
//= $special ?>