Mixja suppost pjaċevoli ta’ familja l-Ħadd waranofsinhar, spiċċat f’mixja diżappuntanti għall-aħħar.
Familja li tkellmet ma’ MaltaRightNow esprimiet rabja għall-fatt li ż-żona tat-Torri ta’ San Mark fl-inħawi tal-Magħtab tinsab fi stat diżastruż ta’ ambjent, fejn persuni rresponsabbli ħammġu ż-żona b’rimi ta’ skart ta’ kull tip.
Mal-ilment, irċevejna wkoll dawn ir-ritratti li jikxfu l-istat diżastruż fl-ambjent ta’ din iż-żona.
“Possibbli, dan hu li rridu lit-tfal tagħna jaraw meta mmorru fil-kampanja?” staqsiet il-persuna li tkellmet ma’ MaltaRightNow.
Ir-ritratti juru li ż-żona tal-madwar tat-Torri ta’ San Mark qed tintuża biex jintrema skart ta’ kull tip.
Persuni oħra li tkellmu ma’ dan is-sit dwar l-istess suġġett kkritikaw kemm lill-awtoritajiet għan-nuqqas ta’ attenzjoni tagħhom, kif ukoll lil ċertu sezzjoni tal-pubbliku li ma jiddejqu xejn iħammġu u jirrovinaw l-ambjent ta’ mawdarna.
Jekk għandek xi ritratti li tixtieq li nippubblikaw, ibgħathom fuq editor@maltarightnow.com
//= $special ?>












