Ħamest ijiem wara t-tqegħid ta’ bomba qawwija mar-residenza ta’ spettur tal-Pulizija fiż-Żurrieq, il-MUMENT tal-Ħadd żvelat li s-sim card tal-mobile użat fl-isplużjoni, tista’ tkun kruċjali fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
L-informazzjoni ppubblikata fuq il-MUMENT tgħid li jista’ jagħti l-każ li l-bomba ħadet għaliex xi ħadd moħbi wara t-tqegħid tagħha, wara li poġġieha fid-daħla tar-residenza tal-familja Azzopardi, saq lil hinn u mill-bogħod ċempel in-numru ta’ dan il-mobile u seħħet l-isplużjoni.
Fl-artiklu tal-ġurnalist investigattiv Joe Mikallef, jintqal li l-investigazzjonijeit tal-Pulizija rigward din l-isplużjoni s’issa jidher li ma taw l-ebda eżitu pożittiv u għad mhux ċar x’wassal biex tpoġġiet din il-bomba, madanakollu fil-kors tal-investigazzjoni jidher li kienu stabbiliti numru ta’ fatturi, fosthom li min għamel il-bomba kien ilu jsegwi lill-Ispettur Geoffrey Azzopardi.
Ir-rapport ta’ il-MUMENT jgħid li l-mobile użat fl-isplużjoni, wara li tfarrat, inġabru partijiet minnu u dan jista’ joffri informazzjoni importanti, fosthom mis-SIM Card tal-mobile, li bla dubju ġġorr informazzjoni importanti ħafna.
Intant, fil-jiem li għaddew, il-Pulizija tkellmu għal aktar minn darba ma’ Geoffrey Azzopardi, li iżda min-naħa tiegħu jidher li ma kienx kapaċi jidentifika raġuni partikolari għal din l-azzjoni. Mistoqsi wkoll jekk kienx xi darba mhedded minn xi ħadd jew inkella jekk kellux xi argumenti ma’ xi persuna partikolari, jidher li hu wieġeb fin-negattiv.
Aktar dettalji jinkisbu mill-ħarġa tal-lum tal-gazzetta il-MUMENT
//= $special ?>

