Lokali Mużika

Skola tal-mużika mill-Fondazzjoni ‘Save a Life’ u s-Soċjeta’ Filarmonika Vilhena

Il-Fondazzjoni Save a Life mexxijja mid-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech b’kollaborazzjoni mas-Soċjeta’ Filarmonika Vilhena tal-Furjana waqqfet skola tal-mużika interattiva għat-tfal u għaż-żgħażagħ f’din il-lokalita’.

Fil-fatt, permezz ta’ dan il-proġett, li se jkun qed joffri taħlita ta’ teknoloġija u strumenti mużikali se jkun jista’ jgħin liż-żgħażagħ biex jiżviluppaw il-ħiliet mużikali tagħhom f’ambjent professjonali. Minbarra dan, it-tagħlim se jkun bażat fuq il-kurrikulu tat-Trinity College.

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Save a Life Claudio Grech wera’ x-xewqa tiegħu li dan il-proġett joħloq aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ, xi ħaġa li hija l-għan ewlieni ta’ din il-Fondazzjoni.

L-Apparat elettroniku li ingħata minn din il-Fondazzjoni intlaqa’ mill-President tas-Soċjeta’ Filarmonika Vilhena Christopher Vella, li saħaq dwar il-ħidma li se tkun qed tmexxi din is-Soċjeta’ biex isir l-aħjar użu possibbli ta’ dan l-apparat mużikali.

Il-Fondazzjoni Save A Life twaqqfet minn Claudio Grech u l-mara tiegħu fl-2013 bl-għan li toħloq aktar opportunitajiet għat-tfal u ż-żgħażagħ. Dan huwa it-tielet proġett li kienet involuta fih il-fondazzjoni, b’żewġ proġetti oħra mistennija li jitħabbru fil-futur qarib.