minn Stewart Said
ŻEBBUĠ…………..0
VALLETTA..…….2
Żebbuġ> F. Rapchan, J. Borg, Y. Camilleri, J. Diaz Serrano, M. Gauci, M. Muchardi, T. Paris, C. Gauci, M. Bartolo, M. Rodrigues Britto, C. Monti
Sost– J. Nwoba flok M. Rodrigues Britto 62’, M. Farrugia flok C. Gauci 70’, M. Ciantar flok C. Monti 85’
Valletta> N. Vella, R. Camilleri, S. Borg, J. Caruana, I. Azzopardi, R. Fenech, R. Briffa, H. Barry, A. Nafti, R. Kooh Sohna, L. Elford Alliyu
Sost– A. Terra flok R. Kooh Sohna 36’, L. Dimech flok S. Borg 60’, L. Montebello flok H. Barry 73’
Skurjaw: H. Barry 21’ pen, A. Nafti 54’ (V)
Imwissija: R. Kooh Sohna 31’, S. Borg 35’ (V), M. Muchardi 87’
Tkeċċa: T. Paris 26’ (Ż)
Referee> Andre Arciola
Il-mument Plejer tal-Logħba – Hamza Barry (Valletta)
Valletta kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva xi ħaġa li f’dan il-kampjonat qatt ma għamlu meta meritatament għelbu lil Żebbuġ Rangers 2-0 biex telgħu momentarjament waħdehom fit-tielet post u spiċċaw l-ewwel rawnd fuq nota pożittiva. Il-wirja tat-tim Belti ma kellux wirja spettakolari iżda għamel partita sħiħa fuq l-attakk speċjalment wara li l-avversarji sfaw b’raġel anqas.
Minn naħa tagħhom Żebbuġ kellhom partita diffiċli wara li marru minn taħt u kellhom plejer imkeċċi biex spiċċaw b’għaxar plejers u minn hemm pruvaw jnaqqsu d-danni fl-attakki Beltin. Iż-Żebbuġin jittamaw li t-tieni rawnd ikun aktar pożittiv wara li baqgħu mingħajr rebħa.
Ebda tibdil għaż-żewġ timijiet b’Alfonso Greco jagħti l-fiduċja lil 11-il plejer li ħadu punt kontra Qormi filwaqt li Valletta baqgħu bl-istess formazzjoni li għelbet lil Balzan.
L-ewwel azzjoni denja waslet fit-19-il minuta meta xutt ta’ Carlo Monti għadda fuq il-lasti. Valletta ingħataw penalty minuta wara meta r-referee Arciola ġġudika li Muchardi waqqa’ lil Kooh Sohna fil-kaxxa u mill-11-il metru kien HAMZA BARRY li b’xutt fil-baxx għeleb lil Rapchan.
Żebbuġ Rangers kellhom ikomplu l-partita b’għaxar plejers fis-26 minuta meta f’deċiżjoni xi ftit ħarxa Thomas Paris ġie muri karta ħamra diretta għal fawl fuq Roderick Briffa.
B’superjorita numerika Valletta kellhom il-logħba f’idejhom u setgħu jamministraw il-logħob tagħhom aħjar. Qabel tmiem it-taqsima, il-Beltin setgħu kabbru l-iskor f’żewġ azzjonijiet separati meta fil-41 minuta Elford Alliyu spara għoli u żewġ minuti l-istess Elford Alliyu spara għoli minn qagħda ideali.
Fil-51 minuta xutt ta’ Hamza Barry għadda ftit għoli biex żewġ minuti wara minn kross ta’ Terra d-daqqa ta’ ras ta’ Roderick Briffa għaddiet ftit barra. Valletta irduppjaw fl-54 minuta meta f’kuntrast ma’ Camilleri, Elford Alliyu għadda lejn ABDELKARIM NAFTI li qabbeż fuq Rapchan.
Fit-63 minuta xutt angolat ta’ Hamza Barry ġie mdawwar f’korner minn Rapchan biex erba’ minuti wara xutt b’saħħtu ta’ Alex Terra ġie għal darba oħra mdawwar f’korner mill-gowlkiper Żebbuġi.
Valletta naqqsu r-ritmu tal-partita u Żebbuġ ħarġu ftit mill-qoxra difensiva b’ żewġ okkażjonijiet meta fil-71 minuta xutt mid-distanza ta’ Carlo Monti għadda ftit barra u fil-75 minuta xutt b’saħħtu minn pożizzjoni angolata ta’ Matthew Bartolo ġiet mdawra f’korner minn Nicky Vella.
Il-Beltin setgħu għamluhom tlieta fit-83 minuta meta minn passaġġ fit-tul ta’ Ryan Camilleri, Roderick Briffa għeleb in-nasba tal-offside, qabbeż fuq Rapchan iżda l-ballun spiċċa ftit barra.
//= $special ?>

