Minn eżerċizzju li għamlet il-gazzetta il-mument jirriżulta li l-kumpens ta’ 58 ċenteżmu fil-ġimgħa li se jagħti l-Gvern Laburista minħabba l-għoli tal-ħajja mhux biżżejjed għall-familji u għall-anzjani biex ikopru l-ispiża ta’ xirja ta’ oġġetti bażiċi li jinxtraw ta’ kuljum jew kull ġimgħa.
Prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali ogħla mill-kumpens ta’ Muscat
F’dan l-eżerċizzju, il-mument mar f’wieħed mis-supermarkets ewlenin, u ra l-prezzijiet ta’ għadd ta’ oġġetti essenzjali li kull familja teħtieġ kull ġimgħa. Uħud mill-oġġetti li kapaċi jservu aktar minn ġimgħa, xorta waħda għandhom prezz li huwa ferm ogħla miż-żieda li se jkun qiegħed jagħti l-Gvern Laburista biex jagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja.
Anki meta wieħed jikkunsidra ċerti oġġetti essenzjali li qegħdin jinbiegħu bl-offerta, xorta waħda ż-żieda ta’ 58ċ li se jagħti l-Gvern mhu se tkun qed tagħmel xejn tajjeb biex għallinqas il-mara tad-dar jew xi anzjan/a jixtru dan il-prodott partikolari.
F’dan l-eżerċizzju, il-mument żamm strett mal-oġġetti li ġenituri bi tfal jew anzjani bilfors ikun jeħtieġilhom jixtru kuljum jew kull ġimgħa.
58ċ ma jiswew xejn!
F’kummenti li kien ta lil il-mument, Carmel Mallia, il-Viċi President tal-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti kien fisser il-kumpens ta’ 58ċ bħala ‘redikolu’ u kien sostna li dan l-ammont hu ‘ċajta’ jew ‘daħka’ għax ma tista’ tixtri kważi xejn bihom, u għalhekk m’huma validi għal xejn.
F’kummenti li ġabar il-mument fl-aħħar ġimgħa, in-nies tkellmet u qalet li l-kumpens ta’ 58ċ li se jagħti l-Gvern mhux biżżejjed. Il-kummenti li kwalifikaw stqarrija bħal din varjaw: ‘lanqas tibda mal-ħajja’, ‘malajr imorru’, ‘il-ħajja dejjem togħla’, ‘ftit’.
Filwaqt li mill-Oppożizzjoni, il-Partit Laburista permezz ta’ Joseph Muscat, illum Prim Ministru u b’Edward Scicluna, illum Ministru tal-Finanzi, kien jitkellem dwar il-living wage – kalkolu ta’ kemm persuna għandu jkollha biex tgħix ħajja diċenti – issa mill-Gvern, il-Partit Laburista raqad fuq din il-proposta, u agħar minhekk, il-Prim Ministru ddikjara li “58ċ għall-għoli tal-ħajja mhumix biżżejjed.”
F’intervista ma’ Leonid Mckay, id-Direttur il-ġdid tal-Caritas Malta, li il-mument ippubblika f’Ottubru li għadda, kien qal li anki meta għandek persuna li anki bil-benefiċċji soċjali, bil-pensjoni jew bil-paga minima, tagħmel l-aħjar management, jirriżulta li xorta d-dħul tagħha ma jkunx biżżejjed. Leonid Mckay appella biex f’dawn is-sitwazzjonijiet l-Istat għandu jerfa’ r-responsabbilta fil-ġlieda kontra l-faqar.
Kwart tal-popolazzjoni f’riskju tal-faqar
Skont rapport maħruġ mill-Eurostat dil-ġimgħa, kważi kwart tal-popolazzjoni Maltija tinsab f’riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali. Dan ifisser li dawn qegħdin jesperjenzaw dħul finanzjarju baxx, qegħdin jiġu mċaħħda minn affarijiet materjali fosthom li jsibu diffikultajiet biex iħallsu l-kontijiet. Filwaqt li l-Gvern jgħid li huwa impenjat biex inaqqas il-faqar, skont l-istatistika uffiċjali, il-faqar f’Malta qiegħed ikompli jiżdied minn sena għal oħra. Pajjiżi fl-UE agħar minn Malta huma l-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Greċja, il-Latvja u l-Ungerija.