Lokali Parlament

Ebda nkjesta dwar festin tal-Milied f’Awla ta’ Maġistrat

Ħamsa jilħqu l-età tal-irtirar sa Marzu 2018

Ma saret l-ebda nkjesta Maġisterjali dwar festin tal-Milied f’Awla ta’ Maġistrat.

Dan kien ikkonfermat mill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici, meta kien mitlub mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Partit, Beppe Fenech Adami, jinforma lill-Parlament fiex wasslet l-inkjesta li kienet ġiet ordnata wara li allegatament kien sar festin tal-Milied fl-awla tal-Maġistrat Peralta, f’liema festin ġewwa l-awla nxtorob xorb alkoħoliku, tpejpu sigaretti u ġie momentarjament arrestat ġurnalist.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li hi l-liġi li tipprovdi għal liema reati tista’ tinfetaħ inkjesta Maġisterjali, u li l-każ ġie riferut immedjatament għand il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Fi tweġiba oħra li ta l-Ministru Bonnici għal mistoqsija oħra ta’ Beppe Fenech Adami, jirriżulta li huma ħamsa l-membri tal-ġudikatura, tliet Imħallfin u żewġ Maġistrati, li se jilħqu l-età tal-irtirar sa Marzu 2018.

Għal mistoqsija oħra b’rabta ma’ oġġetti li jinqabdu jiddaħħlu l-Qorti u li mhumiex permessi, il-Ministru Owen Bonnici qal fil-Parlament li bħala medja, il-membri tas-sigurtà tal-Qrati tal-Ġustizzja jaqbdu u jżommu bejn 40 u 50 oġġett kuljum li huma projbiti li jiddaħħlu ġewwa l-Qrati.

Bħala proċedura, ta’ kuljum tinfetaħ formola hekk imsejħa, Prohibited Items Found, li fuqha jitniżżlu dawk l-oġġetti projbiti kollha li jkunu nżammu mill-membri tas-sigurtà.

F’dawk il-każi li l-oġġetti m’humiex perikolużi jingħataw lura lill-pubbliku huma u ħerġin mill-Qorti. F’dawk il-każi fejn l-oġġetti huma perikolużi bħal oġġetti li jaqtgħu u bil-ponta u oġġetti oħra li fl-opinjoni tas-sigurtà huma perikolużi, jiġi msejjaħ il-Puluzija li jkun għassa l-Qorti jew Puluzija mill-Għassa tal-Belt.