BIRKIRKARA …………………… 1
FLORIANA …………………….. 2
Birkirkara – J. Haber, M. Bissi, E. Morais Costa, H. Shodiya, A. Mendoza, E. Agius, P. Fenech, Z. Muscat, R. Scicluna, E. Herrera, R. Camenzuli.
Sostituzzjonijiet – V. Shevchenko flok Morais Costa fil-61 min; Dos Santos Gonzaga flok Mendoza fil-65 min; L. Grech flok R. Scicluna fil-81 min
Floriana – V. Senatore, A. Scicluna, D. Moreira Cobo, S. Pisani, C. Borg, V. Plut, M. Piciollo, C. Borg, E. Briffa, A. Samb, S. Bonnici.
Sostituzzjonijiet – E. Marcelina flok V. Plut fit-73 min; L. Micallef flok M. Piciollo fl-84 min; N. Spiteri flok E. Briffa fid-90 min.
Referee – Fyodor Zammit
Ass. Referees – Alan Camilleri, Sammy Attard
Raba’ uffiċjal – Trustin Farrugia Cann
Skorjaw – S. Bonnici fit-28 min, Z. Muscat fis-47 min, V. Plut fit-63 min,
Imwissija – M. Piciollo, V. Senatore, C. Borg (Floriana), R. Scicluna, P. Fenech, E. Morais Costa (B’Kara)
Maltarightnow.com Plejer tal-Logħba – M. Piciollo
Attendenza – 986
Floriana temmew l-ewwel rawnd bil-kbir meta forsi fl-isbaħ wirja tagħhom għelbu meritatament lil Birkirkara 2-1, bil-gowl rebbieħ jasal fit-tieni taqsima mis-solitu Vito Plut li l-bieraħ skorja s-seba’ gowl tiegħu.
Matteo Piciollo wkoll kellu logħba mill-aqwa, iżda t-tim kollu mmexxi minn Tedesco kellu wirja qalbiena fejn il-plejers issieltu għal kull ballun biex inkisbet rebħa mportanti. Għal Birkirkara daqqa ta’ ħarta oħra u riżultat li jgawdu minnu Hibernians li issa fi tmiem l-ewwel rawnd għandhom għaxar punti vantaġġ.
L-ewwel azzjoni ta’ Birkirkara wara tliet minuti b’xutt fil-baxx ta’ Shodiya ftit barra. L-ewwel battuti kienu ferm nervużi bil-Furjaniżi jappellaw għal penalty u bir-referee juri tliet karti sofor fl-ewwel tmien minuti tal-logħba.
Fit-22 minuta Paul Fenech ħelisha ħafif b’karta safra biss meta ffawlja mingħajr ballun lil Clyde Borg u mill-istess freekick Haber wettaq save mirakoluż fuq xutt mill-viċin ta’ Briffa. Floriana bdew jilagħbu aħjar u fit-28 minuta marru fil-vantaġġ meta minn azzjoni ta’ korner Piciollo bir-ras kompla lejn STEVE BONNICI li mill-viċin għeleb lil Haber.
Fit-33 minuta risposta Karkariża b’azzjoni tajba ta’ Herrera li minn qagħda angolata laqat in-naħa ta’ barra tal-lasta. Fil-45 minuta f’azzjoni ta’ korner tal-Istripes Steve Pisani deher jiġbed lil Zach Muscat, bir-referee jordna l-penalty fost il-protesti qawwija tal-Furjaniżi, u bir-referee jkeċċi minn fuq il-bank lill-president Riccardo Gaucci. Meta kkalma kollox, mill-11-il metru Senatore salva x-xutt angolat ta’ Shodiya.
Appena bdiet it-tieni taqsima Birkirkara kisbu l-gowl tad-draw meta Shodiya żmarka lil ZACH MUSCAT li minn angolu ferm magħluq għeleb lil Senatore b’xutt fil-baxx. Dan il-gowl ta nifs lill-Istripes bil-logħba issir iktar missielta u bilanċjata.
Fit-63 minuta Floriana mill-ġdid fil-vantaġġ b’azzjoni mibdija minn Piciollo li qassam lejn PLUT li avvanza u għeleb Haber li kien ħiereġ biex jagħlaq l-angolu. Żewġ minuti wara Birkirkara għal ftit ma kisbux id-draw meta minn azzjoni ta’ korner Senatore salva xutt mill-viċin ta’ Bissi.
Fit-68 minuta Floriana setgħu sfruttaw aħjar azzjoni ta’ kontrattakk, iżda Samb ipprova l-konklużjoni personali. Ftit wara kien Haber li ċaħħad lil Samb meta salva fil-baxx. Fit-72 minuta Piciollo pprova lob mill-bogħod iżda Haber salva b’diffikulta.
Birkirkara assedjaw lill-Greens fl-aħħar minuti u anki kellhom gowl ta’ Shevchenko mħassr fil-ħin miżjud biex Floriana żammew il-vantaġġ prezzjuż sat-tmiem.
//= $special ?>

