Ambjent Lokali

F’pajjiżna: Jinbiegħ bebbuxu li jista’ jkun perikoluż

Fuq MaltaPark, persuna qed ibiegħ dak li bil-Latin hu magħruf bħala ‘Achatina Fulica’jew inkella ‘Giant African Land Snail’. Din l-ispeċi ta’ bebbuxu hi meqjusa bħala perikoluża ħafna u tagħmel ħsara kbira fl-agrikultura’ tant li tpoġġiet fil-lista tal-iktar mitt speċi invasiva fid-dinja.

Dan minbarra li hu ppruvat li dan it-tip ta’ bebbux ixerred ukoll mard fost il-bnedmin. Filfatt dan il-bebbuxu jġorr tip ta’ parassita li jekk jittiekel jidħol fiċ-ċirkolazzjoni tal-bniedem u jasal sal-moħħ fejn jikkawża meninġite.

F’diversi pajjiżi madwar id-dinja, hu llegali li wieħed jimporta din l-ispeċi ta’ bebbux propju minħabba l-ħsara li tista’ tagħmel din l-ispeċi.

Minbarra dan, il-‘Giant African Land Snail’ kapaċi jimmultiplika fi żmien qasir ħafna għaliex jipproduċi bejn mitejn u tliet mitt bajda.

Dan iwassal għal infestazzjonijiet kbar fi żmien qasir ħafna. Filfatt fil-Kolumbja, mill-belt ta’ Buenaventura nġabru mat-tmien tunellati ta’ bebbux minn din l-ispeċi wara li bdiet infestazzjoni sentejn ilu.