Il-Gvern għandu jwieġeb u jagħti r-raġunijiet għaliex Uffiċjal Pubbliku tal-Enemalta ma kienx akkużat bl-aggravju kriminali fl-iskandlu tas-serq u t-tbagħbis tal-iSmart Meters. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami fisser kif il-Kap tat-Taqsima tal-Accounts tal-Enemalta Louis Attard (ritratt) kien wieħed mill-persuni li għandu Smart Meter imbagħbas id-dar u li xxaħħam minn konsumaturi biex ikollhom meter imbagħbas.
Beppe Fenech Adami qal li hu ovvju li Louis Attard mhuwiex konsumatur kwalunkwe u li hu Uffiċjal Pubbliku. Għaldaqstant japplika dak li jissejjaħ l-aggravju kriminali, jiġifieri żieda fil-piena lil persuna li tkun instabet ħatja ta’ reat u li bħala Uffiċjal Pubbliku kien fid-dmir li jara li ma ssirx. Il-Viċi Kap tal-PN kompla li l-Ministru Konrad Mizzi stess, fit-tweġiba tiegħu biex jiddefendi lil Louis Attard, ipprovda prova ċara li hu impjegat tal-Enemalta u Uffiċjal Pubbliku.
Beppe Fenech Adami sostna li kemm Konrad Mizzi, kif ukoll il-Ministru responsabbli mill-Pulizija Manwel Mallia u l-Ministru responsabbli mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Owen Bonnici għandhom iwieġbu għaliex ma nħarġux dawn l-akkużi.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi qal li dan il-każ jitfa’ dubji dwar ir-Rule of Law, li hi bbażata fuq il-prinċipju li kulħadd hu indaqs quddiem il-Liġi. Qal li l-Artiklu 141 tal-Kodiċi Kriminali, li ilu jeżisti għal aktar minn 150 sena, jistipula b’mod ċar “li kull Uffiċjal jew Impjegat Pubbliku li jsir ħati ta’ reat ieħor li kellu jissorvelja biex ma jsirx jew li minħabba l-kariga tiegħu kellu d-dmir li jimpedixxi, jeħel, meta jinsab ħati, il-piena stabbilita għal dak ir-reat, miżjuda bi grad”.
Jason Azzopardi qal li hawn mhux qed titpoġġa ħtija fuq l-akkużat, iżda hu ovvju li biex il-Qorti ssib ħtija jew le, trid tinħareġ akkuża fil-konfront tal-persuna.
//= $special ?>