Mill-informazzjoni li ngħatat s’issa fil-Parlament jirriżulta li l-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, immexxi mill-Ministru Evarist Bartolo, hu l-aktar ministeru fil-Kabinett tal-Gvern ta’ Muscat li ta l-akbar numru ta’ direct orders fuq perjodu ta’ sena sal-1 ta’ Ottubru li għadda, ammont ta’ direct orders li laħħaq 105.
Din jirriżulta minn mistoqsijiet parlamentari li saru x-xahar li għadda lil diversi Ministri, li wħud minnhom wieġbu għalihom il-ġimgħa li għaddiet.
Il-mistoqsijiet saru mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Parlament, Mario de Marco, li staqsa lill-Ministri dwar kemm ingħataw direct orders mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tagħhom mit-30 ta’ Settembru 2013 sal-1 ta’ Ottubru 2014. Il-Ministri ntalbu jgħidu f’kull każ, għaliex ġie deċiż li tinħareġ direct order.
Fi Transport Malta, fil-Ministeru ta’ Joe Mizzi, ingħataw 67 direct order; 20 direct order mill-Ministeru ta’ Owen Bonnici; 37 direct order mill-Ministeru ta’ Manuel Mallia; 41 direct order mill-Ministeru ta’ Chris Cardona; 20 direct order mill-Ministeru ta’ Leo Brincat; u sitt direct orders mill-Ministeru ta’ Helena Dalli.
Għall-mistoqsija dwar għaliex ġie deċiż li tinħareġ direct order, it-tweġibiet kienu kollha simili – li d-direct orders ingħataw skont ir-regolamenti ta’ procurement tal-Gvern.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi, u l-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia, ma tawx l-informazzjoni mitluba u wieġbu li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
//= $special ?>