Il-liders Juventus kisbu l-akbar rebħa fis-Serie A sa mill-1983 meta għelbu lil Parma 7-0 u żammew il-vantaġġ f’ras il-klassifika. Empoli wettqu waħda mill-akbar sorpriżi tal-ġurnata meta għelbu lil Lazio waqt li Napoli approfittaw min-nofs żelqa ta’ Sampdoria u għelbu lil Fiorentina biex kienu huma li marru fit-tielet post qabel il-waqfa minħabba tan-nazzjonal.
VERONA – Chievo għelbu lil Cesena 2-1 fi dwell bejn żewġ timijiet fiz-zona relegation u qabżuhom fil-klassifika. Il-gowls waslu fit-tieni taqsima u għal Chievo skorja doppjetta Pellissier waqt li Duric deher li ta punt lil Cesena fit-88 minuta.
EMPOLI – Sa fl-aħħar Empoli nqalgħu miz-zona relegation meta wettqu waħda mill-akbar sorpriżi tal-ġurnata u għelbu lil Lazio 2-1. Empoli ħasdu lil Lazio b’żewġ gowls fi tliet minuti minn Barba u Maccarone bejn it-52 u l-55 mnuta. Għal Lazio naqqas l-iskor Dordevic.
TURIN – Il-liders Juventus (ritratt) ġabu fix-xejn lil Parma u rebħulhom 7-0. L-attakkanti Carlos Tevez, Fernando Llorente u Alvaro Morata kollha skorjaw doppjetta kull wieħed waqt li Stephan Lichsteiner ukoll kien fost l-skorers. Fi tmiem il-partita l-kowċ Allegri faħħar lill-plejers għall-wirja impekkabbli.
PALERMO – Palermo komplew jitbiegħdu miz-zona perikoluża bi draw 1-1 kontra Udinese li fetħu l-iskor minn Thereau imma Dybala minn penalty kiseb id-draw għall-Isqallin. Palermo kellhom anke ċans jieħdu punti massimi imma Vazquez falla penalty.
FIRENZE – Gowl ta’ Gonzalo Higuain fit-tieni taqsima ta rebħa ferm importanti lil Napoli 1-0 fuq Fiorentina u poġġiethom waħedhom fit-tielet post tal-klassifika.
SARDINJA – Cagliari fallew żewġ punti importanti fi draw 1-1 f’darhom kontra Genoa. Cagliari marru fil-vantaġġ mill- Brażiljan Farias imma Genoa kisbu d-draw minn awto-gowl ta’ Rossettini. Lejn it-tmiem Cagliari ngħataw penalty wara li li tkeċċa Sturaro imma Avelar ra x-xutt mill-11-il metru salvat minn Perin. Dan ifisser li Zeman għadu mingħajr rebħa f’Cagliari waqt li t-tim ta’Gasperini issa ilu ma jitlef sitt partiti.
MILAN – Inter komplew bis-serje ta’ wirjiet inkonsistenti meta ħadu biss punt fi draw 2-2 f’darhom kontra Verona. Luca Toni fetaħ l-iskor għal Verona u falla penalty importanti fit-tieni taqsima meta l-iskor kien 2-1 favur Inter. Icardi skorja gowl f’kull taqsima għat-tim ta’ Mazzarri u s’issa skorja 7 gowls dan l-istaġun. Fil-51 minuta Inter spiċċaw b’għaxra meta tkeċċa Medel li kkommetta l-penalty u dabbar it-tieni karta safra biex minuta mit-tmiem kien Lopez li ta draw meritat lil Verona 2-2.
RUMA – Roma żammew it-tieni post fil-klassifika wara li għelbu lil Torino fl-Olimpico b’żewġ gowls fl-ewwel taqsima minn Torosidis u Seydou Keita. It-tim ta’Rudi Garcia kien superjuri għal ħinijiet twal aċċerta l-punti b’gowl ieħor ta’ Ljajic.
//= $special ?>

