Suldati tal-qawwiet speċjali Britanniċi, SAS, qed iwettqu l-aħħar provi ġo bażi sigrieta fis-Sirja waqt li jħejju għal missjoni biex joqtlu lit-terrorista ‘Jihadi John’ — il-membru tal-grupp Stat Iżlamiku (ISIS) li deher fuq video qabel il-qtil brutali tal-ostaġġi Britanniċi Alan Henning u David Haines.
Il-qawwiet tal-SAS ivvjaġġaw bħala pajżana lejn il-Lvant Nofsani meta s-segretezza tibqa’ l-aktar element importanti tal-missjoni — tant li l-istampa Britannika żammet lura milli tippubblika ċerti dettalji fl-interessi tas-sigurta.
Minkejja li ‘Jihadi John’ deher b’wiċċu mgħammad fil-filmati dwar il-qtil tal-ostaġġi li ċċirkolaw fuq l-Internet, hu jinstama’ jitkellem b’aċċent Ingliż perfett. Mhux eskluż, intant, li l-SAS jistgħu anki jippruvaw jeħislu numru ta’ ostaġġi li jinsabu f’idejn l-ISIS u li jinkludu l-fotografu, John Cantlie.
Is-suldati tal-SAS tħejjew għal din il-missjoni fil-barracks tar-riġment f’Hereford, bl-aħħar kelma dwar kwalunkwe missjoni (tal-SAS) fis-Sirja tkun tal-Prim Ministru Britanniku, David Cameron.
//= $special ?>
