Lokali Parlament

Joe Farrugia flok Karmenu Vella fil-Parlament

Joe Farrugia, li l-ġimgħa li għaddiet kien elett f’elezzjoni każwali biex jimtela’ l-post fil-Kamra tad-Deputati wara li rriżenja l-eks-Ministru Laburista Karmenu Vella, illejla ħa l-ġurament bħala Deputat tal-Kamra tar-Rappreżentanti fuq il-Ħames Distrett, f’isem il-Gvern.

Joe Farrugia, fl-età ta’ 58 sena, ħa l-ġurament bħala Membru Parlamentari fil-preżenza tal-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, u tal-membri tal-familja tiegħu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, flimkien mal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma Parlamentari Mario de Marco, awguraw personalment lil Joe Farrugia. Membri oħrajn preżenti fil-Kamra wkoll awguraw lid-Deputat Laburista l-ġdid.

L-aħħar li kien elett fil-Parlament Malti Joe Farrugia, magħruf bħala ‘Il-Farell’, kien fl-elezzjoni tal-1996.

Joe Farrugia ħa post l-eks-Deputat Laburista Karmenu Vella li rriżenja biex jinħatar Kummissarju Ewropew.