Tribunal Industriali ordna lill-kumpanija fejn kien jaħdem Joseph Baldacchino biex tikkumpensah is-somma ta’ €30,000 wara li f’deċiżjoni li ta rriżulta li s-sena l-oħra tkeċċa inġustament. Baldacchino kien jaħdem bħala toolmaker u handyman ma’ F.S. Engineering and Plastics Limited mill-2010 sakemm, f’daqqa waħda f’Ġunju 2013, l-impjieg tiegħu spiċċa bil-kumpanija tgħid li saret it-tkeċċija għax naqas ix-xogħol.
Madankollu, mill-provi rriżulta li l-impjieg tiegħu ġie terminat ftit tal-jiem biss qabel ma kellu argument mad-Direttur tal-kumpanija, li ma kienx approvalu siegħa leave biex imur jara lil l-ibnu li dak iż-żmien kien l-Isptar. Waqt li kien qed jippreżenta l-provi, Baldacchino qal li d-Direttur Frank Saliba qallu li ma kienx jinteressah mill-familja tiegħu u ried biss li jitlesta x-xogħol li kien għad baqa’ xi jsir. Baldacchino qal li mhux talli Saliba ma approvalux il-leave, iżda ġiegħlu jibqa’ bis-sahra.
Fl-istess ġimgħa, Baldacchino kien ordnat imur fl-Uffiċċju tad-Direttur u sab li l-karta tat-terminazzjoni kienet diġà lesta u mpoġġija fuq l-iskrivanija flimkien mal-FS3. Qal ukoll li r-relazzjoni bejnu u bejn Saliba ħżienet meta Saliba skopra li kien membru tal-Union Ħaddiema Magħqudin, li min-naħa tagħha kitbet lid-Direttur tal-kumpanija biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ Baldacchino.
Numru ta’ ħaddiema li xehdu quddiem it-Trbunal qalu b’mod sistematiku li kien qed jiġu impjegati u fil-pront jitkeċċew numru ta’ ħaddiema, li kienu jiġu trattati qieshom numri.
It-Tribunal, li kien immexxi minn Charmaine Cristiano Grech, innota l-fatt li l-ħaddiem tkeċċa mix-xogħol meta xogħolu kien għadu bżonnjuż. Aktar minhekk, kienet xi ħaġa stramba kif spiċċa mix-xogħol ftit jiem wara li kellu xi jgħid mad-Direttur.
Għaldaqstant, kien deċiż li t-terminazzjoni tiegħu kienet waħda illegali u għahekk ġie ordnat li jingħata kumpens ta’ €30,000. L-Avukat Andrew Grima, f’isem il-UĦM, deher għal Baldacchino.
//= $special ?>
