Il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta ma tridx tgħid kemm qed jitħallas Andre Borg bħala s-Segretarju ġdid tal-kumpanija għax, skont kelliema tal-kumpanija, hi policy tal-Air Malta li ma jiġux żvelati l-kuntratti tal-impjegati tagħha. Andre Borg jiġi iben l-eks Kandidat Laburista Reno Borg.
Din mhix l-unika mistoqsija li baqgħet mhix imwieġba mill-kumpanija. Fil-fatt, minkejja serje ta’ emails b’mistoqsijiet dwar il-ħatra ta’ Andre Borg, MaltaRightNow.com kellu biss konferma tal-ħatra tiegħu.
Mistoqsijiet li s’issa għadhom mhux imwieġba jinkludu jekk ħarġitx sejħa għall-applikazzjonijiet biex intgħażel Andre Borg, kif ukoll x’inhu l-pakkett finanzjarju li Borg se jaqla’ f’din il-kariga, inklużi l-perkaċċi. Madankollu, ir-risposta tal-kelliema tal-Air Malta kienet tgħid biss li l-ħatra ta’ Andre Borg saret skont il-Liġi ta’ Malta.
Għaldaqstant, minkejja li din il-ħatra hi pubblika, il-pubbliku jidher li m’għandux dritt ikun jaf kemm qed jaqla’. Dan fi żmien meta l-kumpanija naqqset il-ħaddiema bħala parti minn pjan ta’ ristrutturar wara li l-kumpanija falliet il-miri finanzjarji tagħha.
Madankollu, fl-istess perjodu l-kumpanija tat numru ta’ promozzjonijiet fil-livelli ta’ Managers, filwaqt li kompliet timpjega ħaddiema ġodda qrib il-Partit Laburista, bħal fil-każ ta’ Andre Borg.
//= $special ?>