Lokali

L-ALLEGAT ABBUŻ TA’ PATRI DUMNIKAN: Patri Mark Montebello jgħid li fl-ebda ħin ma kien intermedjarju

Patri Mark Montebello ikkonferma li kien hu li informa lill-avukat ta’ waħda mill-allegati vittmi ta’ abbuż minn Fr Charles Fenech, li kienet qed tiġi offruta flus biex iżżomm ħalqha magħluq, għalkemm qed jiċħad li kien b’xi mod intermedjarju.

Fi stqarrija mibgħuta lil mezzi tax-xandir, Montebello qal li l-istorja ppubblikata dwaru f’The Sunday Times kellha ineżatezzi. Montebello għamilha ċara li hu fl-ebda ħin ma kien intermedjarju fil-każ fejn persuna offriet somma ta’ flus lil allegat vittma ta’ Fr Charles biex tixtri s-silenzju tagħha.

Spjega li dak li ġara kien li waqt li kien qiegħed ikellem fuq it-telefon lill-avukat Edgar Bonnici Cachia, l-avukat tal-vittma dwar affarijiet oħra, hu semmielu kif xi ħadd kien ġibidlu l-attenzjoni li l-allegat vittma kienet ġiet offruta somma flus li rrifjutat.

Fi tmiem il-ġimgħa, rapporti fil-media żvelaw li Patri Mark Montebello ikkomunika din l-offerta permezz tat-telefon ma’ Edgar Bonnici Cachia, l-avukat li qed jassisti lill-mara li qed tagħmel l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Fr. Charles Fenech, b’Montebello jinsisti iżda li hu ma kienx intermedjarju.

Edgar Cachia Bonnici żvela kif Patri Mark Montebello ċempillu fuq il-mobile tiegħu fl-1 ta’ April li għadda. Skont Edgar Bonnici Cachia, Patri Mark Montebello qallu li kien hemm persuna li kien lest joffri lill-vittma eluf ta’ ewro bil-kundizzjoni li hi tirtira l-akkużi kontra Fr.Charles Fenech.

Fl-istqarrija tiegħu, Montebelo għamilha ċara li fl-ebda ħin ma għadda messaġġ f’isem ħaddiehor.