Għaddew kważi tliet xhur minn meta feġġew l-allegazzjonijiet li l-konkos fis-soqfa tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei hu inferjuri. Madankollu, la l-Bord ta’ Investigazzjoni u wisq anqas fil-Parlament ma ħareġ ħjiel dwar x’inhu jiġri.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech fakkar kif l-Oppożizzjoni talbet biex il-persuni involuti f’dan il-każ jinstemgħu quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa, iżda l-Gvern irrifjuta u qal li mhux se jiddiskuti l-allegazzjonijiet qabel ma jintemm ix-xogħol tal-Bord ta’ Investigazzjoni. Grech tenna li mhux aċċettabbli li l-istituzzjoni tal-Parlament tiġi sekondarja għal xi Bord.
Il-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa se jiltaqa’ għada u fil-ġranet li għaddew, Claudio Grech talab liċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa Etienne Grech biex il-każ jibda jiġi diskuss mis-seduta li jmiss. Madankollu, id-Deputat Laburista rrifjuta. Claudio Grech sostna li partijiet involuti għandhom jinstemgħu b’mod pubbliku, filwaqt li sostna li l-Partit Nazzjonalista hu fuq in-naħa tat-taxpayer biex jekk xi ħadd involut fil-kostruzzjoni jew fiċ-ċertifikazzjoni tal-proġett jinstab li naqas, jinżamm responsabbli.
//= $special ?>