Lokali Parlament

Muturi second hand għall-Korp tal-Pulizija

Il-Gvern qed imur lura għall-kultura tas-second hand hekk kif approva lill-Korp tal-Pulizija jixtri għaxar muturi second hand b’direct order, u li l-valur tela’ għal €91,000.

Ix-xiri ta’ muturi second hand għall-Korp tal-Pulizija kien ikkonfermat fil-Parlament mill-Ministru responsabbli mill-Pulizija, Manuel Mallia, meta ta informazzjoni b’rabta ma’ mistoqsija li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali jwieġeb mistoqsija parlamentari li kienet saret lilu, u jgħid jekk fl-aħħar xhur fil-Korp tal-Pulizija nxtrawx muturi second hand, u jekk iva, min u jekk hux b’direct order u kemm kien il-prezz.

Il-Ministru Mallia wieġeb li wara li l-Korp tal-Pulizija ħareġ sejħa biex jinxtraw għaxar muturi tal-mudell BMW RT1200 second hand, il-muturi nxtraw mingħand RAD Auto Dealers tal-Marsa, wara li kien l-unika importatur li wieġeb għas-sejħa. Il-muturi nxtraw b’direct order approvata mil-Ministeru tal-Finanzi għal valur ta’ €91,000.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Mallia qal li dawn il-muturi nxtraw sabiex il-Pulizija jaslu fil-pront fuq il-post tal-inċident u jassistu aktar l-immaniġġjar tat-traffiku.