Lokali

FILMAT WARA SERQ MINN SAN PAWL: “Bżonn li terġa’ tiftaħ l-Għassa”

Fi kliem il-propjetarju tal-ħanut Gormina Bakery f’San Pawl il-Baħar, hemm bżonn urġenti li l-għassa ta’ San Pawl terġa’ tinfetaħ minħabba l-każi dejjem jiżdiedu ta’ serq fil-lokalita’.

George Mifsud (ritratt) kien vittma ta’ serq ta’ oġġetti mill-ħanut tiegħu matul tmiem il-ġimgħa. Fil-fatt, kif irrappurtajna f’dan is-sit il-Ħadd, grupp ta’ irġiel ta’ nazzjonalita’ barranija wettqu serq ta’ oġġetti minn Gormina Bakery and Confectionery, bil-ħallelin jinqabdu mill-Pulizija ftit tal-ħin wara fi Triq San Luqa.

F’intervista ma’ MaltaRightNow.com, il-propjetarju George Mifsud spjegalna dak li seħħ eżattament ilbieraħ. “Kienu ħames barranin, u bdew jgħaddu affarijiet minn taħt il-counter mingħajr ma jħallsu. Mill-kamera innutajna dak li beda jiġri, u għamilna rapport lill-Pulizija”.

Iżda dan is-serq ma kienx biżejjed għalihom. George Mifsud jirrakkonta kif sa nofs siegħa wara, il-barranin reġgħu ġew biex jisirqu aktar oġġetti mill-ħanut.

“Malli rajnihom, żammejnihom milli jidħlu. Sadatant, waslu wkoll il-Pulizija li qabduhom madwar siegħa wara, għaliex ħadna n-number plate tal-karozza li kienu fiha”.

Mifsud jirrimarka li l-Pulizija kienu ħafna effiċjenti fix-xogħol tagħhom, iżda fl-istess waqt wera tħassib kbir għall-fatt li l-għassa ta’ San Pawl il-Baħar għadha magħluqa. “Bħala lokal San Pawl kiber ħafna u hawn ħafna barranin jgħixu hawn. San Pawl m’għadux tas-Sajf biss. Għassa hawn il-Qawra, u xi kultant ikollhom ilaħħqu wkoll mal-Mellieħa. Għalhekk nagħmel suġġeriment biex l-għassa ta’ San Pawl il-Baħar terġa’ tinfetaħ”, temm jgħid George Mifsud.