Lokali

Sqaq faċċata tad-Dar tal-Providenza mimli drenaġġ u demel merħi b’abbuż minn razzett fil-viċin

Sqaq faċċata tad-Dar tal-Providenza qed ikun ta’ kuljum mimli bi drenaġġ u demel li qed joħroġ minn razzett fil-madwar u jostakola t-triq. Ritratt mibgħut minn qarrejja ta’ MaltaRightNow.com juri kif il-materjal li qed joħroġ mir-razzett qed jagħmilha diffiċli biex persuni jużaw l-isqaq, hekk kif issa dan qed jintuża’ wkoll minn numru ta’ voluntiera li jżuu s-Santwarju taż-Żwiemel, li infetaħ dan l-aħħar.

Il-qarrejja qalet li d-drenaġġ u d-demel qed joħorġu mir-razzett wara li s-sid ħalla toqob mhux imkaħħla fil-ħitan ħalli l-ilma żejjer jerħi u joħroġ lejn l-isqaq. Dan minkejja li fil-passat, is-sid tar-razzett intalab jibni tinda tal-planki biex iħalli d-demel jinxef hemm. Madankollu, minkejja li t-tinda nbniet, xorta qed isir dan l-abbuż.

Jirriżulta li dwar dan l-abbuż, sar ukoll kuntatt mas-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina, li min-naħa tiegħu kkonferma li l-Kunsill Lokali rrapporta diversi drabi dan l-abbuż, iżda qatt ma baqa’ sar xejn.