Edukazzjoni Lokali Saħħa

Studenti li ggradwaw f’korsijiet fix-Xjenzi tas-Saħħa għadhom ma jafux meta se jkunu impjegati mal-Gvern

90 student u studenta li spiċċaw b’suċċess korsijiet fix-Xjenzi tas-Saħħa għadhom ma jafux meta se jkunu impjegati mill-Gvern. Dawn l-istudenti se jiggradwaw f’dawn il-jiem f’dixxiplini differenti, fosthom Fiżjoterapija, Occupational Therapy, Communications Therapy u Podjatrija. Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech għamel diversi mistoqsijiet fil-Parlament dwar dan il-każ u l-unika tweġiba li ngħata kienet li dawn il-professjonisti se jkunu ngaġġati skont il-bżonn tas-servizz.

Claudio Grech sostna li ma jagħmilx sens li tħalli dan it-talent ġdid jinħela għal xhur sħaħ mingħajr ebda ħjiel meta se jiġu msejjħa għax-xogħol. Qal li hemm ħtiega għal dawn il-professjonisti u xhieda ta’ dan hu li hemm lista ta’ stennija ta’ bejn tlieta u erba’ xhur għal appuntament għal dawn is-servizzi. Fakkar kif biex ma jinħeliex iż-żmien, fis-snin preċedenti dawn il-professjonisti kienu mpjegati b’mod każwali sakemm il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku ttemm il-proċess tal-għażla.

Claudio Grech appella lill-Gvern biex din is-sitwazzjoni titranġa. B’hekk, il-pazjenti jingħataw servizz aktar malajr, filwaqt li dawn il-professjonisti jibdew il-karriera tagħhom u b’hekk il-pajjiz igawdi mill-investiment fit-tagħlim u t-taħriġ tagħhom.