Lokali Qorti

Tkompli l-investigazzjoni dwar l-allegat pjan biex jinqatel il-boxer Scott Dixon

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha dwar rapport li kien sar li kien hemm pjan biex jinqatel il-boxer Scott Dixon. L-Ispettur Chris Pullicino qal fil-Qorti li l-investigazzjonijniet bdew meta l-preżentatriċi tal-televiżjoni Stephanie Chircop u l-għarus tagħha, Scott Dixon, kien marru fil-Kwartieri tal-Pulizija f’Novembru ta’ tliet snin ilu jagħmlu rapport.

L-Ispettur kien qed jixhed fil-kawża ta’ libell għad-danni li Stephanie Chircop qed tagħmel kontra l-ġurnal Illum, u l-ġurnalista Julia Farrugia fuq artiklu li kien jgħid li hija kienet qed tiġi nvestigatia mill-Pulizija fuq “frame-up” u ftehim ma’ ħaddieħor relatat ma’ attivita’ kriminali. L-artiklu kien pubblikat fil-5 ta’ Awwissu tal-2012.

Dawn kienu qalu li għandhom filmat ta’ Pollakk li kien qal li Silvio Scerri, illum iċ-Chief of Staff tal-Ministeru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali, kien qabbdu biex joqtol lil Dixon, ex Champion tal-Commonwealth. Madankollu mill-investigazzjoni li għamlet il-Pulizija, qal l-Ispettur Pullicino, kollox jindika li r-rapport li sar kien wieħed falz.

Ix-xhud qal li Scerri kien mistoqsi fuq din l-allegazzjoni dwar jekk kienx hu li qabbad lil xi ħadd biex joqtol lil Dixon, li jiġi l-għarus tal-ex sieħba tal-istess Silvio Scerri.

Il-Pulizija ikkonfiskat ukoll numru ta’ kompjuters, filmati ta’ CCTV u numri ta’ dokumenti oħra. Il-Pulizija kellmet ukoll lill-Pollakk, li jismu Karol, li qal li ċertu Alex Zammit ħadu d-dar ta’ Silvio Scerri, u kien hemm li Silvio Scerri stiednu biex joqtol lil Dixon.

Huwa qal li l-Pulizija nterrogat ukoll lil Alex Zammit u Stephanie Chircop bħala parti mill-investigazzjoni.

Ix-xhud qal li l-inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u għahekk ma setax jelabora fuq il-każ. Qal li l-Maġistrat tal-Għassa.

Miriam Hayman kienet informata dwar il-każ u appuntat diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta Maġisterjali.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale fejn l-Avukat David Camilleri qed jidher għal Julia Farrugia filwaqt li l-Avukat Joseph Zammit Maempel qed jidher għal Stephanie Chircop.