Internazzjonali

Umiljata fost akkużi li qatlet lin-neputi

Mara Indjana ta’ 45 sena spiċċat imnażża’ minn ħwejjiġha qabel rikkbuha fuq ħmar u dawwruha mal-inħawi ta’ villaġġ. Dan seħħ bħala piena ritwali, wara li l-familja tan-neputi tagħha akkużawha b’konnessjoni mal-qtil tiegħu.

L-umiljazzjoni tal-mara seħħet fuq direttiva speċifika tal-kunsill fil-villaġġ ta’ Thurawad, fl-Istat ta’ Rajasthan, lejn it-Tramuntana tal-Indja.

Il-mexxejja tal-komunita anki insistew li wiċċ il-mara tispiċċa miksija bit-trab tal-faħam bħala parti mir-ritwal ta’ umiljazzjoni, b’dan it-tip ta’ direttivi jkunu, fil-parti kbira, rispettati fiz-zoni rurali tal-Indja, anki jekk ma jġorru l-ebda piż legali.

Madwar 39 persuna spiċċaw arrestati b’konnessjoni mal-mewt tan-neputi, Vardi Singh, li seħħ fit-2 ta’ Novembru. Il-Pulizija, qabel, kienu qalu li Singh ikkommetta suwiċidju iżda wara l-funeral, il-mara tiegħu u qrabatu avviċinaw lill-pulizija fost allegazzjonijiet li r-raġel ‘kien spiċċa maqtul minn zitu’.

Fl-aħħar snin kien hemm diversi inċidenti, fl-Indja, fejn sar spettaklu ta’ dan it-tip bin-nisa, b’uffiċjali tal-pulizija jikkundannaw ‘it-trattament tal-mistħija’ li kienet suġġetta għalih din il-mara fl-Istat ta’ Rajasthan.