Lokali

Aġġornata: Żewġ persuni l-Qorti wara li nqdew bid-Dar tal-Providenza biex jisolħu l-flus

Joseph Meilaq ta’ 32 sena minn San Pawl il-Baħar u Graziella Apap, omm ta’ tlett’itfal mis-Siġġiewi tressqu l-Qorti akkużati li ġabru flus mingħajr awtorizzazzjoni f’isem id-Dar tal-Providenza u b’hekk iffrodaw madwar erbgħin persuna.

Kif irraporta s-sit Maltarightnow.com fl-aħħar ġimgħat, dawn il-persuni kienu qed jitolbu bejn €200 jew €500 lill-persuni, ħafna drabi anzjani, bħala depoiżitu għax kienu jgħidulhom li rebħu voucher ta’ €5,000.

Fil-Qorti, l-Ispettur Jonathan Ferris spjega li l-akkużati kienu jgħixu flimkien u l-mara kienet tagħmel pressjoni fuq Joseph Meilaq biex jiġbor il-flus u jtiha mill-inqas €100 kuljum.

L-avukat Giannella de Marco m’għamlitx talba għall-ħelsien proviżorju għal Joseph Meilaq imma talbet li jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli għall-kura psikjatrika għal problemi psikjatriċi li jsofri minnhom, fosthom id-dipressjoni.

Il-maġistrat Miriam Hayman laqgħet din it-talba filwaqt li rrifjutat it-talba tal-avukat Gianluca Caruana Curran għall-ħelsien mill-arrest ta’ Graziella Apap.

Iktar kmieni: Rapporti li saru f’numru ta’ għases tal-Pulizija jindikaw li fl-aħħar jiem bdiet mewġa ġdida ta’ kriminalita’ li fil-mira tagħha hemm l-anzjani.

MaltaRightNow.com illum irċieva informazzjoni dwar attentati ta’ serq minn diversi djar, bil-ħallelin jgħidu lill-anzjani li jkunu rebħu somma flus – ħaġa li ma tkunx vera.

Qed iżeffnu fin-nofs lil David Azzopardi

Wieħed mis-sorsi tagħna rrakkuntalna kif qed issir din il-manuvra. “Qed iħabbtu biss djar fejn hemm anzjani, ħafna minnhom jgħixu weħidhom. Il-ħallelin qed jgħidulhom li rebħu €1,500 voucher. U li biex jieħdu dan il-voucher iridu jagħtu €500 deposit. Ovjament, la l-€500 u lanqas il-voucher qatt ma jieħdu lura”.

Persuna oħra spjegatilna kif lill-ġara tagħha qalulha li l-flus rebħithom mingħand David Azzopardi “li kien qassis”, li jfisser li l-ħallelin qed iżeffnu fin-nofs persuna li żgur m’għandu x’jaqsam xejn.

Nifhmu li diġa’ kien hemm żewġ każi ta’ dan it-tip ta’ serq immanipulat f’Ħad-Dingli.

Waslulna wkoll rapporti ta’ raġel li kien qed jitlob il-flus f’isem id-Dar tal-Providenza anke’ f’inħawi oħra fosthom f’San Pawl il-Baħar. Huma spjegawlna kif ir-raġel qed jgħid lir-residenti li rebħu xi flus talli taw donazzjoni lid-Dar tal-Providenza, filwaqt li jippreżentalhom envelop li suppost ikun fih ‘voucher’ (ritratt). Segwi din l-istorja hawn.