Sitt pajjiżi biss fl-Ewropa li ma jeżisti ebda finanzjament pubbliku lill-partiti, u tlieta minn dawn huma tal-Ewropa tal-Lvant
Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech appella lill-Gvern Laburista jisma’ u mhux jinjora l-proposti tal-Oppożizzjoni dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi, hekk kif fisser li l-gvern għadu fiż-żmien biex idaħħalhom għal qafas ta’ liġi dejjiema u soda biex jissaħħu s-sisien li fuqhom jinbnew il-prinċipji tal-ekwità bejn il-partiti.
Meta kompliet fil-Parlament id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jirregola l-operat tal-partiti politiċi, Claudio Grech qal li din hi liġi fil-Parlament li qed tiddaħħal tard, iżda fisser li jemmen li għandna nitgħallmu ħafna minn dak li għamlu pajjiżi oħrajn u noħolqu mudell ta’ liġi li ma tkunx too little too late.
Ikkritika li l-prinċipju marbut mal-finanzjament pubbliku tal-partiti hu eskluż mil-liġi. Kien ukoll eskluż meta l-Gvern kien qed iwieġeb għall-proposti tal-Oppożizzjoni dwar din il-liġi. Ikkritika wkoll l-attitudni li qed jieħu l-Gvern, li flok ma jindirizza s-sitwazzjoni u l-proposta tal-Oppożizzjoni, jirredikolaha. Gvern li mhux iwassal il-messaġġ ta’ gvern li jisma’ u li jrid il-ġid nazzjonali.
Staqsa x’hemm ħażin li jkun hemm finanzjament mill-istat tal-partiti jekk nemmnu li l-partiti huma għodda għad-demokrazija? Għaliex il-Gvern, fuq element daqstant importanti, mhux qed isib finanzi għal din l-għodda siewja għad-demokrazija filwaqt li jsib flus għal infiq ieħor li qed jagħmel l-istess Gvern?
Claudio Grech qal li mill-45 pajjiż Ewropew, huma sitt pajjiżi biss li ma jeżisti ebda finanzjament pubbliku għall-partiti, u tlieta minn dawn huma tal-Ewropa tal-Lvant. Appella li darba qed indaħħlu din il-liġi llum, jagħmel ħafna sens li ndaħħluha mill-ewwel bl-elementi kollha li għandhom jidħlu f’din il-liġi, u staqsa għaliex il-Gvern ma jridx jisma’ minn din il-proposta u qiegħed jirreżistiha?
Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-pożizzjoni li qed jieħu l-Gvern jikkuntrasta bil-qawwa ma’ dak li qed jipproponi l-istess Gvern, fejn l-artikli jagħmlu riferenza li għandu jkun assigurat li jkun hemm trattament ekwu, fosthom dak ibbażat fuq il-membri jew il-votanti.
Semma li dawn il-prinċipji li qegħdin imniżżla fl-abbozz, ikunu qed jinkissru immedjatament kif tidħol fis-seħħ din il-liġi, filwaqt li semma’ kif il-Partit Laburista ilu jgawdi diġà minn assi u proprjetà li ħa f’idejh minn gvernijiet Laburisti tul is-snin, u li minnhom qed idaħħal dħul ukoll sostanzjali minn diversi kirjiet. Spjega li l-Partit Laburista se jkun qed jdibda b’saħħa finanzjarja li ġiet mhux bil-ħila tiegħu, iżda bniha minn fuq it-tax payer.
L-Oppożizzjoni trid li l-proprjetà li għandu l-Partit Laburista jroddha lura, għax jekk le se tkun liġi li toħloq diżugwaljanza. Il-Gvern għad għandu ċ-ċans li jdaħħal liġi li titħaddem fl-ispirtu tagħha jekk il-Gvern irodd lura l-proprjetà li ħa f’idejh fil-passat, jew li japplika l-prinċipju tal-ekwiparazzjoni.
Tkellem ukoll dwar aspett ieħor sensittiv tal-abbozz ta’ liġi – dak li jitkellem fuq id-donazzjonijiet mhux permessi. Dan l-aspett, fisser Claudio Grech, għandu jissaħħaħ aktar għaliex fuq mhedda ta’ leġiżlatura, jista’ jingħata ammont ta’ €200,000, u li jkun ifisser li 20 persuna jistgħu jiffinanzjaw €4 miljun f’leġiżlatura waħda.
Claudio Grech semma wkoll l-importanza li jkunu projbiti donazzjonijiet minn entitajiet jew persuni barranin. Ippropona wkoll li jkun hemm limitu għall-ispejjeż li jsiru mill-partiti, u dan biex ikunu regolati partiti li jkollhom aċċess għal finanzjament kbir u ma jippermettux kampanji bi spejjeż straordinarji li wkoll jizvantaġġjaw partiti oħrajn.
//= $special ?>