Raġel ta’ 63 sena, li ismu mhux qed jissemma biex tiġi protetta l-identita’ tal-mara ġie mixli quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, li nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta tal-5.00 p.m. u fil-ġranet ta’ qabel huwa hedded lil martu fir-residenza tagħhom f’Pembroke.
Mill-provi rriżulta li dan il-fatt ilu sejjer u dan minħabba problema ta’ xorb li huwa għandu. L-akkużat wieġeb mhux ħati tar-reati miġjubin kontrih. L-Ispettur Carol Fabri li mexxiet il-Prosekuzzjoni qalet li l-problemi bejn il-koppja ilhom sejrin u dan għaliex huwa għandu problema tal-alkoħol
Sadanittant l-Avukat li suppost kellu jiddeffendi lill-akkużat kellu jkun Dr. Toni Abela, li baqa’ ma deherx. L-Ispettur qalet li kien hemm ftehim li hu kien se jkun hemm f’nofs inhar, u wara ħafna stennija qallhom li ma setax jagħmilha minħabba li kien inqabad x’imkien.
Minħabba dan kellu jkun l-Avukat tal-Għajnuna Legali Anthony Cutajar li kellu jassistih. Minħabba f’hekk il-Maġistrat Audrey Demicloli għamlet verbal dwar li dak li ġara u ordnat il-komunika lill-Ministru tal-Ġustizzja u lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja minħabba n-nuqqas tal-Avukat Tony Abela.
Ir-raġel ġie mixli li kkaġuna feriti ħfief fuq martu, li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, li nsulenta lil martu, heddidha, li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. Huwa aċċetta li ma jibqax jgħix fid-dar matrimonjali u qal lil Qorti li kien se jikri post ieħor.
Il-Qorti minn naħa tagħha ordnatlu li ma jersaqx lejn martu u x-xhieda u lanqas imur fil-lokalita’ ta’ Pembroke. Huwa ngħata l-liberta’ proviżorja fuq garanzija personali ta’ €2,000.
//= $special ?>