Minn 26 membru fit-Taqsima tal-Administrative Law Enforcement (ALE) fil-Korp tal-Pulizija, 20 ingħataw transfer wara l-elezzjoni ta’ Marzu tas-sena l-oħra.
Dan irriżulta minn mistoqsijiet li saru llejla fil-Parlament mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, bil-Ministru Owen Bonnici, fin-nuqqas tal-Ministru Manuel Mallia responsabbli mill-Pulizija, jgħid dak li ma qalx bil-miktub fit-tweġiba li ta l-Ministru Mallia, li kien hemm 20 transfer li ngħataw mill-elezzjoni ta’ Marzu 2013 sal-lum.
Filwaqt li l-Ministru Mallia ma weġibx mistoqsija oħra dwar kemm kien in-numru ta’ transfers li saru mill-elezzjoni ‘l hawn, u minflok qal għaliex iċċaqalqu l-membri fil-Korp tal-Pulizija, li skont it-tweġiba li ta fil-maġġoranza tal-każi minħabba li kien hemm talba biex isir it-transfer, il-Ministru Owen Bonnici qal li kellu l-informazzjoni dwar in-numru ta’ transfers li saru u kkonferma li kienu total ta’ 20 minn 26 membru fl-ALE.
Għal mistoqsijiet oħra tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, jirriżulta wkoll li l-membri li ssieħbu fl-ALE kienu ġejjin mid-distretti, mill-garaxx tal-pulizija, mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u mis-Servizz tas-Sigurtà.