Għawdex Lokali

Franco Mercieca fi sfida ċara ma’ Anton Refalo, irid isir Ministru għal Għawdex

Wara li rriżenja minn Segretarju Parlamentari, id-Deputat Laburista Franco Mercieca ma ddejjaq xejn jiddikjara fil-pubbliku li issa jrid jerġa’ jkun fil-Kabinett Laburista u li “min għandu jkun jaf”, diġà jaf liema dekasteru jrid. Osservaturi politiċi jsostnu li l-intenzjoni ta’ Mercieca hi li jsir Ministru għal Għawdex. Din il-pożizzjoni espressa mid-Deputat Laburista Franco Mercieca tirriżulta minn intervista li kellu mal-gazzetta Illum f’nofs ix-xahar li għadda.

Fl-intervista, Franco Merciea ma ddejjaq xejn jiddikjara li jixtieq jerġa’ jkun fil-Kabinett, basta jkollu dekasteru differenti minn dak li kellu. Għall-mistoqsija tal-ġurnalist dwar liema dekasteru jixtieq, l-eks Segretarju Parlamentari kien aktar minn ċar u ma ddejjaq xejn iwieġeb “Min għandu jkun jaf, jaf”. Osservaturi politiċi qed isostnu li l-fatt li Franco Mercieca għażel li jieħu din il-pożizzjoni b’mod pubbliku hi sfida ċara għall-pożizzjoni tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, li bħalissa mhux fost dawk viċin il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Bla dubju li l-orjentazzjoni politika ta’ Franco Mercieca tpoġġih biss bil-possibbiltà li jinħatar Ministru għal Għawdex għax mhux ikkunsidrat fost il-favoriti li jista’ jingħata xi dekasteru ieħor. Jirriżulta li l-ħatra ta’ Mercieca bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjani ma kinitx dik li xtaq li jingħata minn Muscat. Sorsi infurmati jsostnu li l-intenzjoni ta’ Muscat qabel l-elezzjoni kienet li Franco Mercieca jinħatar Ministru għal Għawdex, iżda wara l-elezzjoni dan il-pjan kien imxekkel għax Anton Refalo kiseb ammont tajjeb ta’ voti.

Fil-perjodu li dam jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari għall-Anzjani, Franco Mercieca kien f’nofs numru ta’ kontroversji u kritika għall-fatt li kien baqa’ jwettaq il-professjoni medika tiegħu. Dan kien sar bi ksur tal-Kodiċi ta’ Etika tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari. Quddiem din is-sitwazzjoni, il-Prim Ministru kien iddikjara diversi drabi li l-Gvern se jibdel dan il-Kodiċi għalkemm fil-verità dan s’issa għadu ma nbidilx. Wara perjodu qasir jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari għall-Anzjani, Franco Mercieca rriżenja u baqa’ biss Deputat.

Kull meta kien mistoqsi dwar il-futur politiku tiegħu, Franco Mercieca dejjem qal li kien se jibqa’ fil-politika u li kien se jirritorna b’aktar qawwa fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Madankollu, anke r-riżenja minn Segretarju Parlamentari kienet imdawra minn kontroversja għall-fatt li Muscat ma kienx ħabbarha mill-ewwel iżda kien għamel dan wara diversi xhur minn meta kien tahielu Mercieca. Ir-raġuni li ngħatat kienet biss li Mercieca ried jerġa’ lura jaħdem bħala Tabib tal-għajnejn.

Fl-intervista ma’ Illum, Franco Mercieca għażel li jagħti raġuni oħra għaliex kompla jaħdem bħala Tabib waqt li kien Segretarju Parlamentari. Issa qed jgħid li hu qatt ma kien kuntent jaħdem bħala Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u l-Anzjanità Attiva u kien għalhekk li għażel li jkompli jipprattika l-professjoni tiegħu meta kien Segretarju Parlamentari.

Mercieca jsostni wkoll li malli ngħata d-dekasteru talab mill-ewwel li jibqa’ jipprattika l-professjoni tiegħu. Mill-intervista jirriżulta ċar li din id-dikjarazzjoni għamilha fil-laqgħa li kellu mal-Prim Ministru meta dan appuntah Segretarju Parlamentari.

L-informazzjoni li għandna tgħid li Muscat qed jistenna l-okkażjoni biex ibiddel il-Ministru għal Għawdex u jpoġġi lil Franco Mercieca minflok Anton Refalo. Dan joħroġ ċar ukoll mill-attitudni li l-Prim Ministru nnifsu qed ikollu fil-konfront tal-Ministru għal Għawdex.