Ir-reputazzjoni u s-saħħa tal-industrija tal-manifattura f’pajjiżna kompliet nieżla ‘l isfel meta l-Eurostat iċċertifikat dan is-settur bħala l-agħar fl-Ewropa, għat-tieni xahar konsekuttiv. Filfatt, il-produzzjoni industrijali f’pajjiżna naqset b’7.4%, prattikament id-doppju tal-pajjiżi li kellhom it-tieni u t-tielet l-akbar tnaqqis wara Malta.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista f’isem il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament u l-Kelliem għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Mario de Marco qal li dan jikkuntrasta mal-medja Ewropea u fiż-żona ewro, li t-tnejn żdiedu matul ix-xahar ta’ Settembru. Dan ifisser li filwaqt li għad hemm sfidi kbar mill-kontinent Ewropew, id-diffikultajiet li qed jesperjenza pajjiżna ma jistgħux jiġu attribwiti għall-qagħda internazzjonali.
Il-fatt li pajjiżna esperjenza tnaqqis kull xahar fil-qasam tal-industrija jibgħat is-sinjal li l-problemi qed isiru aktar strutturali milli temporanji, u għalhekk jeħtieġ azzjoni serja u konkreta mill-Gvern. Iktar inkwetanti minn dawn iċ-ċifri huwa n-nuqqas assolut ta’ tħassib u interess min-naħa tal-Gvern Laburista. Kelliema differenti tal-Gvern jibqgħu jinjoraw u jwarrbu fil-ġenb dawn id-diffikultajiet, minkejja, li barra l-istatistika uffiċjali, qed tinġibdilhom l-attenzjoni anke minn esponenti ewlenin ta’ dan is-settur.
Il-Partit Nazzjonalista jittama li l-Budget li se jkun ippreżentat nhar it-Tnejn li ġej ikun l-ewwel pass fejn il-Gvern jippreżenta inizjattivi speċifiċi li jinċentivaw lil dan is-settur biex jgħinuh jerġa’ jaqbad ir-ritmu li pajjiżna kien imdorri bih fl-aħħar snin. Hekk biss ikun jista’ jassigura moħħ il-ħaddiema u l-familji tagħhom li jaqilgħu l-għajxien minn dan is-settur ewlieni fl-ekonomija Maltija.
//= $special ?>