Ħamest irġiel, erba’ minnhom aħwa u wieħed minnhom taħt l-età, kienu mixlijin quddiem il-Maġistrat Anthony Vella b’rabta ma’ ġlieda kbira, li oriġinat minn logħba futbol five-a-side li ntlagħbet fil-Ponta tal-Isla ġurnata qabel l-inċident. Il-ġlieda laħqet il-qofol tagħha f’Misraħ Gavino Gulia f’Bormla. Tnejn mill-akkużati kienu mixlijin b’attentat ta’ qtil u ma ngħatawx il-libertà proviżorja.
Kenneth Brincat, ta’ 44 sena mill-Isla, ġie mixli li fil-ħin tal-inċident kellu fil-pusess tiegħu sikkina mingħajr liċenzja tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied, kif ukoll li għamel storbju li kien jikkonsisti f’dagħa u kliem faħxi. Brincat wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u ngħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000. Għalih deher l-Avukat Mario Spiteri.
Aktar tard, tressqu Fredrick Dalli ta’ 32 sena, Charlston Cassar ta’ 22 sena u Redent Cassar ta’ 20 sena, kollha residenti Bormla, kif ukoll żagħżugħ ta’ 17-il sena residenti Ħal Luqa. Charlston Cassar u Redent Cassar kienu mixlijin bl-attentat ta’ qtil ta’ Stephen Brincat, li jiġi ħu l-akkużat Kenneth Brincat meta allegatament tawh daqqiet b’kanna tal-ħadid u lista tal-injam fuq rasu.
Huma kienu mixlijin ukoll li kkaġunaw feriti gravi lil Stephen Muscat u Omar Ellul. Redent Cassar ġie mixli wkoll li sar reċidiv b’sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati. Fredrick Dalli u Charlston Cassar ma ngħatawx il-libertà proviżorja.
Sadanittant, Frederick Dalli u ż-żagħżugħ ta’ 17-il sena kienu mixlijin li kisru l-paċi pubblika, inġurjaw u dejjqu lin-nies. Dalli kien mixli wkoll li nofsiegħa qabel l-inċident xewwex u instiga biex dan iseħħ. Dalli u ż-żagħżugħ ingħataw il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000, kif ukoll li ma jmorrux fil-Munchies’ Bar f’Bormla.
Aktar kmieni …
Il-ħamest irġiel li kienu arrestati b’rabta ma’ ġlieda kbira li seħħet ilbieraħ waranofsinhar f’Bormla bħalissa qed jitressqu l-Qorti akkużati b’dak li seħħ ilbieraħ u fil-jiem li għaddew. L-etajiet tal-irġiel arrestati jvarjaw bejn is-17 u l-44 sena.
Kollox jindika li l-ġlieda bdiet fl-Isla, fejn membri ta’ waħda mill-familji l-aktar prominenti f’Bormla marru għal żagħżugħ minn familja oħra mill-Isla. Jidher li dan iż-żagħżugħ qala’ xeba waqt li dan kien qed jieħu kafe’ fl-Isla.
Allegatament, il-familja ta’ dan iż-żagħżugħ, aktar minn għaxra, niżlu kollha Bormla, biex ipattuha lill-familja l-oħra. Hemmek żviluppat u laħqet il-qofol tagħha ġlieda kbira bejn iż-żewġ familji, quddiem ħanut tat-te’ u ftit passi bogħod mill-Għassa tal-Pulizija f’Bormla.
Il-ġlieda ħolqot paniku kbir f’Bormla, b’madwar 30 persuna involuti, tant li l-Pulizija f’Bormla kellhom bilfors isejjħu membri tal-ALE u tar-Rapid Intervention Unit. Ingħaqdu magħhom ukoll mill-inqas ħames skawdri ta’ pulizija tal-mobile u tat-traffiku.
Kawża tal-ġlieda raġel ta’ 44 sena mill-Isla iddaħħal l-isptar Mater Dei isofri minn feriti gravi u żewġt irġiel oħra, ta’ 23 sena mill-Isla u ta’ 30 sena minn Bormla li qed isofru minn feriti ħfief.
//= $special ?>