Lokali

Il-balaklava li kien uża l-hijacker tal-Egypt Air

Fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival tal-Ktieb, Kite Group qiegħed itella’ wirja ta’ oġġetti li ntużaw waqt hijacks li saru f’Malta, partikolarment il-hijack imdemmi tal-Egpyt Air. F’din il-wirja li qed issir fl-istand ta’ Kite Group fost l-oħrajn hemm esebiti t-tieqa tal-cockpit tal-ajruplan li fuqu nstabu l-marki tas-swaba’ li wara rriżulta li kienu tal-pirata Ali Rezaq. Hemm ukoll għall-wiri il-balaklava li kien uża l-hijacker waqt dan l-attakk terroristiku.

Kull min iżur il-wirja jista’ jara wkoll il-kaxxa s-sewda tal-ajruplan tal-Egypt Air. Dawn l-oġġetti qed jiġu esebiti bil-għajnuna tal-Korp tal-Pulizija.

Kite (2)

L-ajruplan kien inħataf fit-23 ta’ Novembru 1985 ftit wara li telaq minn Ateni fi triqtu lejn il-Kajr.

Din il-wirja, qed issir fl-okażżjoni tal-pubblikazzjoni tal-ktieb “Terror’s Footprints, shadows of international terrorism over Malta”, pubblikat minn Kite Group. Il-ktieb hu miktub minn Dr Joe Mifsud u editjat minn Martin Bugelli.

Il-Festival tal-Ktieb qed isir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi l-Belt u jibqa’ sejjer sa nhar il-Ħadd li ġej.

Din hi t-tieni darba li Kite Group qiegħed jieħu sehem f’dan il-Festival. Is-sena li għaddiet, Kite Group kien esebixxa, l-uniformi ta’ wieħed miż-żewġ piloti li ma kienux obdew l-ordinijet tar-reġim ta’ Gaddafi biex jattakkaw u joqtlu nies ċivili fil-Libja. Minflok ġew Malta permezz ta’ Mirage jets.