Lokali

“Il-Gvern għandu jgħin lis-settur privat” – Simon Busuttil

Għaddew kważi sentejn minn meta Joseph Muscat laħaq Prim Ministru u sa issa għadu ma sar xejn dwar il-link permanenti bejn Malta u Għawdex, li għandu jwassal biex ikun inċentivat aktar in-negozju f’Għawdex. Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien beda studju dwar il-possibiltà ta’ dan il-proġett iżda sal-lum għadna ma smajna xejn mingħand dan il-Gvern.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt żjara fil-gżira Għawdxija, fejn fost l-oħrajn dar il-produtturi lokali li joperaw mill-kumpless Gozitano.

Akkumpanjat mid-Deputati Għawdxin Giovanna Debono u Frederick Azzopardi, kif ukoll mill-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Kevin Cutajar u Ryan Mercieca, il-Kap tal-Oppożizzjoni fisser il-produtturi li joperaw minn Gozitano bħala eżempju kif l-intraprizi Ghawdxin joperaw fuq skala żgħira u hu għalhekk li l-Oppożizzjoni qed tappella lill-Gvern biex jinċentiva u jgħin lis-suq privat.

Simon Busuttil fisser kif wieħed mill-inċentivi li jsaħħaħ il-kummerċ bejn Malta u Għawdex hi l-link permanenti bejn Malta u Għawdex. Gvern Nazzjonalista kien beda studju dwar il-possibbiltà ta’ dan il-proġett, iżda sal-lum għadu ma sar xejn.

Kompla kif Gvern Laburista aktar moħħu li jdaħħal lin-nies jaħdmu fis-settur pubbliku, bil-konsegwenza li qed tiżdied ukoll in-nefqa pubblika.

Matul iż-żjara tiegħu, Simon Busuttil iltaqa’ mas-sidien tal-produtturi tal-birra lokali Lord Chambray, li l-Ħadd li għadda rebħu wkoll unur waqt kompetizzjoni tal-birra li saret fi Brussell.

Iltaqa’ wkoll ma’ produtturi agrikoli, tal-ikel tradizzjonali Għawdxi u ħelu fost l-oħrajn.