Lokali Parlament

Il-Gvern m’għandux iħalli l-istatus quo tal-qagħda preżenti tal-partiti

Il-Gvern għad irid jagħmel ħafna iktar jekk irid juri li jemmen f’demokrazija ugwali fil-pajjiż

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco, appella lill-Gvern ma jħallix l-istatus quo tal-klima politika f’pajjiżna, hekk kif elenka l-importanza ta’ liġi li tirregola l-partiti politiċi, kif ukoll in-nuqqasijiet ta’ dak li qed jiġi propost mill-Gvern.

Dan saħaq dwaru Mario de Marco meta tkellem dwar l-abbozz ta’ liġi li jirregola l-partiti politiċi, biex il-pajjiż isaħħaħ il-mixja demokratika tiegħu bis-sehem importanti tal-vuċijiet diversi tal-partiti kemm dawk ewlenin kif ukoll forzi u movimenti politiċi oħrajn.

L-abozz ta’ liġi ppreżentat qed jirregola tliet aspetti importanti fil-ħajja demokratika ta’ pajjiżna – dak amministrattiv; il-finanzjament tal-partiti politiċi; u l-parteċipazzjoni tal-partiti fl-elezzjonijiet.

Il-punt tat-tluq, qal Mario de Marco, għandu jkun jekk nemmnux li l-partiti politiċi humiex jagħtu l-kontribut lill-pajjiż, li l-partiti humiex forza importanti fl-iżvilupp politiku, soċjali u ekonomiku.

Staqsa jekk il-klima politika tagħna hix tgħin partiti politiċi żgħar li jkunu rappreżentati fil-Parlament, u appella biex inħarsu lejn l-istampa aktar wiesgħa għat-tisħiħ ta’ aktar partiti politiċi u għal ħajja demokratika aktar b’saħħitha.

Fl-abbozz ippreżentat, hemm aspetti li jitkellmu dwar il-bżonn ta’ partiti politiċi u li l-istat għandu jiffavorixxi l-formazzjoni u l-operat tal-partiti politiċi, iżda staqsa jekk dan l-abbozz hux qed jiffavorixxi dan jew hux qed iħares lejn l-istatus quo tal-partiti politiċi f’pajjiżna.

Tkellem dwar sistemi fil-passsat fejn biex tieħu impjieg, transfer jew promozzjoni mal-Gvern, trid tkun tesserat fil-partit politiku fil-Gvern, u rrimarka li llum qed nerġgħu naraw mijiet ta’ impjiegi jidħlu mal-Gvern bla raġuni u bla sens kif seħħ qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew meta ddaħħlu madwar 400 mal-Gvern. Mario de Marco saħaq li l-ebda persuna m’għandha tkun imġiegħla tieħu sehem f’partit politiku kontra r-rieda tagħha.

Hu għalhekk li l-liġi f’pajjiżna rridu nsaħħħuha u nuru bil-fatti li ħadd m’għandu jkun imġiegħel jappartjeni ma’ xi partit politiku.

Dawr il-kwistjoni tal-kontabbiltà tal-partiti politiċi, qal li dan l-element hu kruċjali u li dwaru l-partit fil-Gvern qed juri nuqqas kbir ta’ kontabbiltà. Fisser kif mhux biss hu importanti li jkun regolat id-dħul, iżda wkoll l-infiq, filwaqt li aċċenna li l-liġi trid tħares u tgħin lil dawk il-partiti ż-żgħar li mhumiex f’pożizzjoni li jkollhom ammonti ta’ dħul.

Filwaqt li rrimarka li s-sors ewlieni tad-dħul tal-partiti politiċi hu mit-tesserament tal-membri fil-partit, jidħlu ħafna dubji u mistoqsijiet dwar nies fin-negozju u kumpaniji li jkunu qed jiffinanzjaw partit politiku u jekk hux dawn qed jgħinu lill-partiti għall-iżvilupp demokratiku jew jekk hux qed jappoġġjaw partit għax għandhom għan differenti.

Dawn, saħaq Mario de Marco, huma mistoqsijiet leġittimi li għalkemm l-abbozz ta’ liġi jipprova jindirizzahom, dan mhux qed isir mill-Gvern b’mod konvinċenti.

Hu sfortuna, fissser Mario de Marco, li l-finanzjament tal-partiti mill-istat hu injorat fil-proposta tal-Gvern u saħaq li jekk irridu ngħinu l-formazzjoni tal-partiti, il-finanzjament mill-istat hu importanti hekk kif irrimarka li d-dibattitu dwar dan l-abbozz ta’ liġi sar wisq partiġjan.

Dwar il-kwistjoni tal-ekwità bejn il-partiti, Mario de Marco qal li l-Gvern Laburista ma jagħmilx distinzjoni bejn partit u Gvern, bi Gvern Laburista li kien abbuża b’mod assolut b’ordnijiet ta’ rekwiżizzjoni biex akkwista numru kbir ta’ proprjetà li dawwarhom f’każini Laburisti.

Mario de Marco saħaq li b’din il-liġi, il-partiti politiċi mhux se jkunu qed jitilqu mill-istess punt ta’ tluq u għalhekk wasal iż-żmien li l-Partit Laburista jerġa’ jirritorna lura l-proprjetà kollha li abbuża minnha, inkluż dik li ħa mis-sidien privati.

L-Oppożizzjoni se tkun qed tivvota favur l-abbozz ta’ liġi, iżda l-Gvern għad irid jagħmel ħafna iktar jekk irid juri li jemmen f’demokrazija ugwali f’dan il-pajjiż.