Għawdex Lokali

Il-Kap tal-PN jitaqa’ ma’ produtturi lokali fil-gżira Għawdxija

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum żar il-gżira Għawdxija, fejn fost l-oħrajn dar il-produtturi lokali li joperaw mill-kumpless Gozitana. Fost l-oħrajn, Simon Busuttil iltaqa’ mas-sidien tal-produtturi tal-birra lokali Lord Chambray, li l-Ħadd li għadda rebħu wkoll unur waqt kompetizzjoni tal-birra li saret fi Brussell.

Akkumpanjat mid-Deputati Għawdxin Giovanna Debono u Frederick Azzopardi, kif ukoll mill-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Kevin Cutajar u Ryan Mercieca, il-Kap tal-Oppożizzjoni fisser il-produtturi li joperaw minn Gozitana bħala eżempju kif l-intraprizi Ghawdxin joperaw fuq skala żgħira u hu għalhekk li l-Oppożizzjoni qed tappella lill-Gvern biex jinċentiva u jgħin lis-suq privat.

Simon Busuttil fisser kif wieħed mill-inċentivi li jsaħħaħ il-kummerċ bejn Malta u Għawdex hi l-link permanenti bejn Malta u Għawdex. Gvern Nazzjonalista kien beda studju dwar il-possibbiltà ta’ dan il-proġett, iżda sal-lum għadu ma sar xejn. Kompla kif Gvern Laburista aktar moħħu li jdaħħal lin-nies jaħdmu fis-settur pubbliku, bil-konsegwenza li qed tiżdied ukoll in-nefqa pubblika.