Lokali

“Jekk Mario Cutajar irid jgħaddi kummenti partiġġjani, għandu joħroġ kandidat għall-elezzjoni” – Ryan Callus

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Mario Cutajar donnu sar it-tielet kelliem tal-Gvern. Il-Kap tas-Servizz Pubbliku hu hemm biex jiddefendi l-ħaddiema kollha taċ-ċivil u mhux lill-politiku.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Berġa ta’ Kastilja, il-Kelliem tal-Opposizzjoni dwar is-simplifikazzjoni amministrattiva Ryan Callus qal li l-kummenti ta’ Mario Cutajar f’intervista mal-ġurnal The Malta Independent kienu ta’ natura partiġġjana. Fost oħrajn Mario Cutajar qal li ż-żieda fl-impjiegi mal-Gvern bil-kriterju ta’ persuni ta’ fiduċja hi meħtiega għaliex fi kliemu, “għamilna 25 sena fl-Opposizzjoni.” Ryan Callus tenna li jekk Mario Cutajar irid ikun partiġġjan, għandu joħroġ kandidat għall-elezzjoni.

Ryan Callus sostna li kuntrarju għal dak li qed jgħid Mario Cutajar fl-intervista, iz-zieda ta’ 4,400 persuna fis-servizz pubbliku f’inqas minn sena u nofs ma wasslitx għal żieda fis-servizzi governattivi.

Hu qal li r-realta’ hi li dawn in-nies qed jiddaħħlu għall-voti u l-poplu se jkollu jħallas il-piż finanzjarju tagħhom għal diversi snin. Fl-istess waqt, il-gvern ma jimpjegax 90 gradwat fis-servizzi tas-saħħa fejn hemm bżonn kbir tagħhom.

Barra minhekk, kompla Ryan Callus, in-numru kbir ta’ impjiegi fis-servizz pubbliku qed jaħbi s-sitwazzjoni reali fl-ekonomija u l-qgħad fejn f’ekonomija b’saħħitha, ikun is-settur privat li jiġġenera l-impjiegi.

Tkellmet ukoll Roslyn Borg, kandidata ġdida tal-Partit Nazzjonalista. Hi staqsiet kemm hu xieraq li membri fis-segretarjati privati tal-ministeri – l-eks ġurnalisti tas-Super One Jonathan Attard, Ramona Attard u Charlon Gouder – imexxu programmi politiċi fuq l-istazzjon Laburista.