Lokali

Joseph Muscat ħela sentejn u m’għamel xejn għal link bejn Malta u Għawdex

Għaddew kważi sentejn minn meta Joseph Muscat laħaq Prim Ministru u sa issa għadu ma sar xejn dwar il-link permanenti bejn Malta u Għawdex, li għandu jwassal biex ikun inċentivat aktar in-negozju f’Għawdex. Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien beda studju dwar il-possibiltà ta’ dan il-proġett iżda sal-lum għadna ma smajna xejn mingħand dan il-Gvern.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan wara żjara li għamel fil-kumpless Gozitano fix-Xewkija Għawdex. Simon Busuttil kien akkumpanjat mid-Deputati Għawdxin Giovanna Debono u Frederick Azzopardi kif ukoll mill-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Ryan Mercieca, kif ukoll Kevin Cutajar.

Matul din iż-żjara, Simon Busuttil kellu l-opportunità jiltaqa’ mas-sidien u l-ħaddiema tan-negozji f’dan il-kumpless. Hu saħaq fuq l-importanza li l-Gvern iżid l-inċentivi għall-investiment barrani li jwasslu għal aktar impjiegi mill-privat biex pajjiżna jkun dejjem aktar kompettitiv. Għalkemm l-aħħar statistika turi li n-numru ta’ impjeigi mas-settur privat żdiedu, l-akbar inkwiet ġej miż-żieda kbira fost l-impjegati mas-settur pubbliku.

Simon Busuttil reġa’ kellu kliem iebes fil-konfront ta’ dak li qed jgħid il-Prim Ministru Joseph Muscat fejn qed jerġa’ jigdeb. Hu spjega li minn Marzu 2013 sa Ġunju 2014, irtiraw 2,000 persuna li flokhom ġew ingaġġati persuni ġodda li jfisser li diġa’ għandna 2,000 impjegat ġdid. Iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika juru li ż-żieda fl-impjegati mal-Gvern kienet ta’ 2,240. Din hija konferma tal-gidba li qed jgħid Muscat u l-verità li qed jgħid il-Partit Nazzjonalista għaliex minn dawn l-ammonti wieħed jikkonkludi li b’kollox f’16-il xahar, il-Gvern impjega 4,420 persuni ġodda. Fi kliem Simon Busuttil stess, Muscat qed jinsa, jew aħjar qed jigdeb, dwar dawk li rtiraw u li minflokhom ġew impjegati nies ġodda.