Lokali Parlament

L-agħar forma ta’ soċjaliżmu

Il-PL irid jiddeċiedi dwar is-serjetà tiegħu fil-politika u jgħid jekk hux se jirritorna l-proprjetà li kiseb b’abbuż

Il-Partit Laburista, bi track record ta’ proprjetajiet li ħataf mill-pubbliku u mill-istat biex dawwarhom f’każini Laburisti wettaq l-agħar forma ta’ soċjaliżmu u llum irid jiddeċiedi dwar is-serjetà tiegħu fil-politika u jgħid jekk hux se jirritorna dak li kiseb b’abbuż, u jekk hux se jikkumpensa għall-ħsara li twettqet.

Id-Deputat Nazzjoanlista Jason Azzopardi qal fid-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi li jirregola l-partiti politiċi, li jekk mhux se jirritorna l-proprjetà tul is-snin, fejn wera kemm hu galantom bi flus ħaddieħor, il-Partit Laburista jkun qed iwassal messaġġ ta’ inkonsistenza kbira bejn dak li jgħid u jagħmel.

Fisser li hu evidenti li din il-liġi qegħda tistituzzjonalizza d-diskriminazzjoni kontra l-Partit Nazzjonalista, għaliex filwaqt li qed tipprojbixxi l-għajnuna mill-istat, għandna Partit Laburista bi proprjetajiet misruqa mill-pubbliku u mill-privat li jiswew il-miljuni u li spekula fuq uħud mill-artijiet li ngħata tul is-snin biex daħħal il-miljuni.

Il-pożizzjoni tal-PN hi ċara biex tingħata lura l-proprjetà li ħa mill-pubbliku u mill-istat.
Meta tidħol fis-seħħ din il-liġi u ma jkunx hemm punt ta’ tluq komuni, il-liġi ma tkun qed tagħmel xejn biex tindirizza d-diskriminazzjoni politika u għalhekk il-PN qed jisħaq li lest jieħu l-mezzi kollha li tagħtih il-liġi biex jirrimedja din id-diskriminazzjoni.

Tkellem dwar l-Australia Hall u qal li wara li għal aktar minn 30 sena, ħa l-propjetà b’ċens, ma ħax ħsieb li jżomm din il-proġejtà fi stat tajjeb, bejn l-1997 u l-1998 fi żmien Gvern Laburista l-propjetà tniżżlet minn Grad 1 għal Grad 2, u li f’nofs ta’ lejla xitwija fix-xahar ta’ Dicembru tal-1998, ħadet in-nar fi proprjetà li lanqas ma kien fiha elettriku.

Jason Azzopardi staqsa min kellu interess li l-Australia Hall tiġi f’dak l-istat wara li nħarqet, hekk kif qal li l-ħruq ma kien aċċidentali xejn. Nafu wkoll li l-Australia Hall b’valur ta’ €10 miljun, inbiegħet għal prezz ta’ nofs miljun ewro.

Fakkar li l-qerq tal-Partit Laburista dwar l-Australia Hall biex jiddefendi dak li kien diġà għamel, kompla meta l-Partit Laburista wieġeb għall-kawża li kienet infetħet kontra l-Partit Laburista, bil-Partit Laburista jelenka lista twil ta’ 50 xhud – turija ċara ta’ kemm ried li l-kawża titwal sa wara l-elezzjoni ġenerali.

Dwar il-każ marbut mal-Każin Laburista ta’ Ħal Qormi, qal li hu qatt ma ħallat il-professjoni mal-politika, u la hu l-Avukat involut fil-kawża f’isem il-klijenti tiegħu li huma s-sidien ta’ dik il-propjetà, mhux se jitkellem u jikkummenta. Iżda qal li hu għajb għall-Partit Laburista li ma nbidilx mit-tmeniijiet, u kkundanna l-kritika u l-attakk tal-esponaneti tal-Partit Laburista u tal-Gvern kontra avukat li kien qed jidher f’kawża kontra l-Partit Laburista.

Jason Azzopardi staqsa min se jkun qed iħallas, il-Gvern jew il-Partit Laburista għad-danni li jkunu jridu jitħallsu quddiem deċiżjonijiet tal-Qrati? Il-Partit Laburista, f’Novembru tal-2009 wara ftit li Muscat sar Kap tal-Partit Laburista, diġà nstab ħati mill-qorti li ddikjarat li kien kiser id-drittjiet ta’ familja.