Edukazzjoni Lokali

L-Iskejjel Indipendenti urtati li Evarist Bartolo pprova jitfa’ t-tort fuqhom

L-Iskejjel Indipendenti jinsabu urtati bil-kbir għall-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo wara li pprova jitfa’ t-tort fuqhom. Il-kontroversja qamet wara li ħareġ fil-pubbliku li numru ta’ Skejjel Indipendenti għandhom jingħataw mijiet ta’ eluf ta’ ewro f’pagi ta’ Learning Support Assistants (LSAs), wara li l-Gvern naqas milli jimxi mal-ftehim milħuq biex ikopri l-pagi tal-LSAs tul dawn l-aħħar xhur.

Uħud mill-Iskejjel affetwati u li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li fl-aħħar xhur għamlu sagrifiċji kbar biex iħallsu l-pagi tal-LSAs u mhux ġust li l-Ministeru jitfa’ t-tort fuq l-Iskejjel Indipendenti. Jirriżulta li l-aħħar pagament min-naħa tal-Gvern sar f’Jannar 2014 biex il-pagi kollha mhux imħallsa mill-Gvern issa telgħu għal €600,000.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Joe Cassar sostna li ma jistax ikun li l-Ministru Evarist Bartolo dejjem iwaħħal f’xi ħadd. L-iskejjel li tkellmu magħna qalu li l-interess tal-Iskejjel Indipendenti hu li joffru l-aqwa edukazzjoni għall-istudenti.