Lokali Parlament

Ministri ma jafux minn fejn se jibdew u jispiċċaw

L-Oppożizzjoni nsistiet fil-Parlament ma’ Ministri tal-Gvern biex fil-Parlament jagħtu lista ta’ servizzi u prodotti li nxtraw bi quotation jew permezz ta’ direct order, u dan wara li erba’ Ministri ma tawx l-informazzjoni mitluba, b’uħud mill-Ministri jistaħbew wara l-iskużi li l-mistoqsija hi vasta, li ma jafux minn fejn se jibdew u jispiċċaw, u li hemm wisq ħin involut biex jitwieġbu l-mistoqsijiet.

Il-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg kienet ċara lill-Ministri tal-Gvern, titlob biex ipoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xiri ta’ servizzi u xiri ta’ prodotti li ġew ordnati minn April 2013 mis-Segretarjat privat tagħhom, permezz ta’ quotation jew permezz ta’ direct order.

Il-Ministri kienu mitluba jgħidu lil liema kumpaniji jew individwi ntalbu l-quotations, kemm kien l-ammont ta’ kull quotation jew direct order u min ingħata x-xogħol.

Il-Ministri George Vella, Edward Zammit Lewis, Joe Mizzi u Owen Bonnici wieġbu bl-istess mod u bl-istess kliem, li s-servizzi u prodotti jvarjaw minn ġurnata għal oħra u għalhekk talbu li sa liema data qed tintalab l-informazzjoni.

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma tal-Parlament, Mario de Marco, intervjena għad-diversi diffikultajiet li beda jqajjem il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella, fosthom li l-mistoqsijiet huma vasti; li n-nies mhumiex bla limitu fil-Ministeri; m’għandux jinħela ħin biex tinġabar informazzjoni biex tintefa’ fuq l-ixkaffa; u li ma jkunx hemm skop warajha.

Mario de Marco fisser kif il-mistoqsijiet huma ċari ħafna, u qed jitolbu lill-Ministri jagħtu informazzjoni dwar dak li jinxtara – prodotti jew f’servizzi li jsir b’direct order jew bi quotation.

Għal reżistenza li wera l-Ministru George Vella li jkunu mweġbin dawn it-tip ta’ mistoqsijiet, Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni għandha kull dritt tistaqsi dwar dawn it-tip ta’ prodotti u servizzi li jinxtraw mill-Gvern, u t-tax payer ukoll għandu dritt li jkun jaf .

Mario de Marco rrimarka wkoll li filwaqt li japprezza x-xogħol li jsir biex tinġabar l-informazzjoni, qal li kien hemm numru ta’ żidiet fl-impjiegi fis-settur pubbliku fid-dawl tar-rimarka li għadda l-Ministru Vella li l-impjegati fil-Ministeri huma limitati. Osserva wkoll li l-istess Ministru Vella għandu esperjenza ta’ mistoqsijiet li jsiru mill-Oppożizzjoni, u li proċeduri ta’ procurements huma serji u importanti fin-nefqa ta’ gvern.

Il-Viċi Kap tal-PN qal li jekk Ministru għandu bżonn aktar żmien biex jagħti l-informazzjoni, jesprimi dan fil-Kamra, iżda saħaq li hu ta’ tħassib li Ministri jwieġbu bl-istess mod u jagħmlu l-istess rimarki.

George Vella qal li għandu rispett lejn il-Parlament u dispost li jekk ikun hemm pressjoni, lest li jagħmilha, u talab aktar żmien.

Mario de Marco qal li japprezza l-impenn tal-Ministru li se jkun qed jiġbor din l-informazzjoni.

Kemm il-Ministru Edward Zammit Lewis u l-Ministru Joe Mizzi ħadu l-istess pożizzjoni tal-Ministru George Vella, bl-Oppożizzjoni tappella biex isegwu l-aħħar eżempju tal-Ministru George Vella li se jkun qiegħed jagħti l-informazzjoni mitluba.
B’rabta mal-istess mistoqsijiet li saru lil membri tal-Gvern oħrajn, il-Prim Ministru u d-Deputat Prim Ministru wieġbu li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Wara dan id-dibattitu li sar u dwar il-punti mqajma mill-Oppożizzjoni u mill-Gvern dwar il-kontenut tal-mistoqsijiet u d-dritt tal-Oppożizzjoni li tressaq il-mistoqsijiet lill-Gvern, l-Ispeaker appella lill-membri tal-Kamra josservaw ruling li ngħata dwar il-mistoqsijiet parlamentari.