Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija esprima t-tħassib kbir tiegħu għall-fatt li kellha tkun il-media li tiżvela li d-Direttur-Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika, Michael Pace Ross, ma iġġeddidlux il-kuntratt tiegħu fl-aħħar ġimgħat. Fir-rispett tas-serjetà u tat-trasparenza, wieħed kien jistenna li l-Awtorità tal-Istatistika tippubblika stqarrija b’dan l-iżvilupp u, tinforma b’mod formali lill-pubbliku u lill-aġenziji internazzjonali, fosthom il-Eurostat, b’din l-aħbar u tagħti l-informazzjoni meħtiega dwar min qed jokkupa din il-kariga sakemm tintagħżel il-persuna li ser tokkupa din il-kariga.
Il-kariga ta’ Direttur Ġenerali hija funzjoni importanti li hi mistennija li tkun indipendenti mill-Gvern tant li tirrispondi lil Awtorità Superviżorja u mhux lill-Gvern. Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iċ-ċirkostanzi riċenti li jistgħu jkunu wasslu ghal din id-deċiżjoni, deciżjoni li inżammet mistura għal gimghat sħaħ. Il-PN jittama li l-Gvern mhux jindaħal f’din l-istituzzjoni li jeħtieġ li tibqa’ indipendenti.
L-indipendenza tal-istatistika ppubblikata minn dan l-Uffiċċju, hi kruċjali biex pajjiżna jibqa’ jżomm ir-rispett tal-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Awtorità biex tassigura li il-perjodu ta’ tranżizzjoni ikun wieħed qasir għal ġid tal-Uffiċċju u tal-kredibilità tieghu.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li waħda mir-raġunijiet li waslet għall-kollass tal-Greċja kienet proprju n-nuqqas ta’ indipendenza tal-uffiċju tal-istatistika, li kien qed jgħatti d-dejn ta’Gvernijiet suċċessivi minhabba direzzjoni politika. Dan għandu jservi ta’ tagħlima biex il-Gvern jieqaf immedjatament jinterferi fil-ħidma tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, u jiżgura l-indipendenza u t-trasparenza assoluta tiegħu.