Futbol Sport

Qbil biex jiżdiedu l-barranin fil-Premier

Il-Premier League Standing Committee (PLSC) jidher li laħaq ftehim biex mill-istaġun li ġej ikun hemm żieda fil-plejers barranin li jistgħu jilagħbu fil-Kampjonat Premier.

Sorsi nfurmati tajjeb qalu lil dan il-ġurnal li l-maġġoranza tal-klabbs qablu li l-plejers barranin għandhom jitilgħu minn ħamsa jilagħbu u wieħed riserva għal tmienja jilagħbu u tlieta riservi. Dan ifisser li jekk dan jiġi approvat mill-Kunsill, f’kull partita tal-Premier mill-istaġun li ġej kull tim jista’ jibda bi tmien plejers barranin fost l-ewwel ħdax bit-tlieta l-oħra jkunu Maltin.
Kien hemm ukoll min ippropona biex ma jkunx hemm limitu ta’ barranin mill-Unjoni Ewropeja kif isir f’pajjiżi oħra imma din il-proposta ma kelliex l-appoġġ mixtieq u dan biex jingħata aktar spazju lit-tfal tan-nurseries li jsibu posthom fl-ewwel tim.

Hu mifhum li l-PLSC iżda se jerġa’ jiltaqa’ l-ġimgħa d-dieħla biex jiddiskuti wkoll diveris proposti oħra li saru mill-MFA fejn jidħol tibdil tar-regolamenti, fosthom dik dwar il-parametri tal-plejers. Qed jiġi propost li l-parametri tal-plejers is-sena d-dieħla jinżlu b’50% u s-sena ta’ wara bi 15%. Dan ifisser li jekk plejer bħalissa hu stmat li jiswa 20,000 ewro skont il-parametri, is-sena d-dieħla jiġi jiswa 10,000 ewro u s-sena ta’ wara 8, 500 ewro.

Qed ikun diskuss ukoll ir-reġistrazzjoni tal-plejers fejn plejer jiffirma meta jkollu 14 u 15-il sena u jkun marbut sa meta jagħlaq 21 sena. Din qed tkun proposta li titniżżel sa meta jkun għalaq is-17-il sena biex ikun jista’ jiffirma kuntratt professjonali.