Internazzjonali Kurżitajiet

Ras umana nofsha mittiekla u riġel jinstabu f’żaqq ta’ kelb-il baħar

Grupp ta’ ħames sajjieda mill-Filippini skopra ras umana nofsha mittiekla u riġel ġewwa żaqq ta’ kelb-il baħar kbir tat-tip Tiger Shark.

Is-sajjieda qabdu din il-ħuta, li kienet tiżen sa 1,300 libbra, il-ġimgħa li għaddiet qabel ma qatgħuha biex skoprew il-fdalijiet fiha.

Iżda aktar milli żammew il-qabda kbira tagħhom, is-sajjieda reġgħu tefgħu l-ħuta kbira lura fil-baħar flimkien mal-partijiet umani, għax beżgħu li kienet se ġġibilhom xorti ħażina. Is-sajjieda żammew biss ix-xewka u x-xedaq.

Is-sajjieda qed jaħsbu li l-partijiet umani setgħu ġew minn vittma ta’ inċident fuq il-baħar li kien seħħ f’Settembru. Kien hemm 84 passiġġier abbord il-bastiment MV Maharlika meta għereq f’baħar imqalleb qrib Leyte, fiċ-ċentru tal-Filippini. Żewġt irġiel baqgħu rappurtati nieqsa.

Lura għall-kelb-il baħar, meta eżaminaw ix-xedaq u x-xewka tal-kelb-il baħar, l-esperti sabu li l-bestja setgħet kienet kbira xi 12-il pied u nofs mit-tul.