Sir Bob Geldof, il-kantant tal-Boomtown Rats u fundatur tal-ewwel grupp Band Aid, ħejja r-raba’ recording l-kanzunetta ‘Do They Know it’s Christmas?’ li kienet laħqet il-quċċata tal-charts fil-Milied tal-1984.
Din il-versjoni se tkun interpretata minn Band Aid 30, grupp li jinkludi ismijiet stabbiliti u membri tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ kantanti. L-iskop ewlieni tal-kanzunetta hu li tiġġenera l-fondi għall-kampanja kontra l-marda tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika.
L-aħħar recording ta’ ‘Do They Know It’s Christmas?’ jinvolvi l-membri tal-grupp One Direction li ħadd minnhom ma kien twieled fil-ġimgħat meta l-verżjoni oriġinali kienet l-aktar diska popolari fir-Renju Unit. Magħhom hemm il-kantanti u l-gruppi Adele, Ed Sheeran, Sinead O’Connor, Ellie Goulding, Bastille, Jessie Ware, Foals, Underworld u Paloma Faith, u l-kantant veteran tal-grupp U2, Bono, jirritorna wkoll għal Band Aid 30.
Bob Geldof, li għandu 60 sena u l-kantant mużiċist Skoċċiż, Midge Ure, kienu kitbu l-ewwel single ta’ Band Aid, bid-diska oriġinali ‘Do They Know It’s Christmas?’, li kantaw fiha Bono, George Michael, Paul Weller, Boy George u Simon le Bon. Din spiċċat l-aktar single li nbiegħet f’kull żmien fir-Renju Unit meta ħarġet 30 sena ilu.
L-istess diska wasslet għall-kunċerti leġġendarji bit-tema ‘Live Aid’ tal-1985, li kienu ġġeneraw mal-€150 miljun għall-ġlieda kontra l-ġuħ fl-Etjopja. Minn dak iż-żmien kien hemm żewġ charity recordings oħra ta’ ‘Do They Know It’s Christmas?’ minn Band Aid II, fl-1989, u Band Aid 20, fl-2004, li wkoll telgħu fl-ewwel post tal-klassifiki tas-singles fir-Renju Unit.